Partit Laburista: 100 sena joħloq il-ġid

    Kemm niddejjaq meta naqra kummenti mingħand nies li ma jifhmu xejn fl-istorja politika ta’ Malta u li jkunu pronti jgħidu li kull meta l-Partit Laburista kien fil-gvern, dejjem kien hawn it-taħwid u l-poplu Malti dejjem bata. Dan assolutament mhuwiex veru. Mindu nħolqu l-kummenti għal taħt l-artikli tal-ġurnali biex hekk kulħadd jista’ jgħid li jrid, il-banalità ta’ dak li jgħidu ċerti nies hija xi ħaġa tal-biża’!

    Ottubru 2020 huwa żmien ta’ ċelebrazzjoni għall-Partit Laburista għaliex ifakkar il-mitt sena mit-twaqqif tiegħu. Għalhekk, tajjeb li nfakkru li llum ħafna mill-ġid li naraw madwarna, il-kwalità għolja tal-ħajja li ngħixu, l-opportunitajiet għall-progress li nħolqu, eċċ., huma kollha grazzi għall-ħidma tal-Partit Laburista tul is-snin.

    Jekk int mara u llum għandek drittijiet u opportunitajiet daqs l-irġiel, ftakar li kien il-Partit Laburista li mill-bidu tiegħu ħadem biex il-mara tingħata d-dinjità u r-rispett li jixirqilha fis-soċjetà.

    Ftakar li l-vot lin-nisa wasal fl-1947 frott il-ħidma ma taqta’ xejn tal-Partit Laburista fis-snin ta’ qabel meta ħaddieħor għamel minn kollox biex il-mara ma tingħatax il-vot.

    Jekk int pensjonant u moħħok mistrieħ li issa li rtirajt tista’ tistrieħ u tgawdi s-snin tax-xjuħija tiegħek fis-sigurtà, ftakar li kien l-ewwel gvern Laburista mmexxi minn Pawlu Boffa li fl-1948 daħħal dik li dak iż-żmien kienu jgħidulha l-“pensjoni tax-xjuħ”. Qabel, min jirtira kien jispiċċa tallab.

    Jekk għandek bżonn għajnuna medika u taf li din issibha fil-pront permezz tas-servizzi tas-saħħa eċċellenti u b’xejn li għandna f’pajjiżna, ftakar li kien gvern Laburista li ħadem qatigħ biex ipoġġi l-bażi tagħhom fis-sod fi żmien il-gvern ta’ Boffa u wara espandew u ġew konsolidati fi żmien il-gvernijiet ta’ Mintoff fis-snin sebgħin u tmenin. Illum, dawn is-servizzi tas-saħħa laħqu livell mondjali permezz tal-ħidma tad-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, u t-tim tiegħu.

    Jekk int ġenitur u għandek tfal li jmorru l-iskola, ftakar li l-Partit Laburista mit-twaqqif tiegħu ħadem biex ikollna l-edukazzjoni obbligatorja għal kulħadd.

    Qabel, kellna soċjetà fejn kienet tirrenja l-injuranza u s-superstizzjoni, fejn kellek parti kbira tal-poplu magħmula minn ħafna nies illitterati. Stinka kemm felaħ il-Partit Laburista biex fl-1946 daħlet l-edukazzjoni ta’ bilfors għal kulħadd u kompla jibniha u jsaħħaħha kull darba li kien fil-gvern.

    Jekk ma tantx tinsab f’qagħda tajba u għandek bżonn l-għajnuna tal-Istat, ftakar li kienu gvernijiet Laburisti li poġġew il-bażi tal-Welfare State li għandna llum, u li kabbruha u sostnewha. Jekk tirċievi l-benefiċċji soċjali bħaċ-Children’s Allowance, il-Bonus, l-In-Work Benefit,  eċċ., għid grazzi lill-Partit Laburista għal kull darba li kien fil-gvern.

    Jekk int dilettant tal-futbol, ftakar li kien taħt gvern Laburista li saret l-ewwel logħba futbol fil-grawnd tal-ħaxix f’Ta’Qali fl-1981. Min għandu l-età bħali jiftakar il-grawnd bl-art tal-ġebel fil-Gżira fejn kien isir il-logħob qabel. Tul is-snin u sal-ġurnata tal-lum, gvernijiet Laburisti dejjem ħadmu biex iġibu ‘l quddiem l-isports f’pajjiżna.

    Jekk tkun għaddej u tara l-bandiera Maltija tperper bi kburija fuq il-bjut, ftakar li kien il-Partit Laburista fis-snin bejn l-1958 u l-1964 li xpruna l-ġlieda anti-kolonjali għall-Indipendenza. Naturalment, grazzi wkoll għall-ħidma tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista ta’ dawk iż-żminijiet, il-mibki Ġorġ Borġ Olivier, bniedem irrispettat minn kull Laburist.

    U nista’ nibqa’ għaddej u ma nispiċċa qatt! – Imbagħad għad hawn min juri l-injuranza tiegħu billi jgħid li fi żmien gvernijiet Laburisti dejjem taħwid kien hawn!

    – Tgħallmu l-istorja qabel tikkritikaw lill-Partit Laburista. Il-fatti jitkellmu waħedhom.