Partit ieħor?

    Ilni nsegwi l-politika għal ftit iktar minn 25 sena. Minn żmien għal ieħor jinbet ħsieb dwar il-ħtieġa ta’ forza politika oħra. Iċ-ċirkostanzi ta’ dawn l-esiġenzi, minkejja li kienu jvarjaw fid-dettal, ħafna drabi kienu jkunu mnebbħin minn spirtu ta’ diżillużjoni ġenerali miż-żewġ partiti l-kbar fuq isssues li jkunu għal qalb il-maġġoranza tan-nies. Madanakollu minkejja li d-diżappunt ikun kbir u minkejja li jkun hemm sitwazzjonijiet fejn stħarriġ wara l-ieħor juru li jkun hemm perċentwal kbir ta’ nies li ma’ jkunux iridu jivvutaw, fl-uniku stħarriġ li jgħodd, ċioe l-elezzjoni, is-sitwazzjoni qajla tinbidel u d-dwaliżmu jisseddaq.
    Dan il-fenomenu, matul is-snin issaħħaħ mil-mod kif konxji minn xewqa ta’ l-elettorat għal xi ħaġa ġdida, iż-żewġ partiti tradizzjonali ippreżentaw sitwazzjonijiet ta’ tiġdid fihom infushom biex jiksbu l-fiduċja tal-maġġoranza tal-poplu. B’hekk l-eżiġenza elettorali kollettiva ta’ bidla u l-eżiġenzi elettorali tradizzjonali tlaqqgħu flimkien f’offerta ta’ għażla elettorali li setgħet twassal għal bidla. Il-bidla qatt ma’ ġiet mill-egħruq. Il-bidla ġiet għax il-massa tradizzjonali ta’ partit tkun esperjenzat żieda.
    Bħalissa pajjiżna, għajr għall-waqfa ta’ l-Għid, ninsabu għaddejin minn perjodu t’ antagoniżmu politiku kbir. Il-kwistjoni tal-governanza ħadet iċ-ċentru tal-palk u għandna quddiemna sitwazzjoni delikata ta’ akkużi u ċirkostanzi li qed iwasslu għal klima kerha u tensjoni ta’ livell elettorali.
    F’dan il-kuntest għandna il-fenomenu tat-tribaliżmu u diskussjoni politika li hi mibnija fuq kemm wieħed u għar mill-ieħor. Dan id-dibattitu jwassalna għal sitwazzjoni fejn n-nies passivi ma’ jiddistingwux id-dimensjoni tal-każijiet u l-verita tal-każijiet.
    Ħadd ma qed jiddubita il-kisbiet fuq livell ekonomiku, jew fuq livell soċjali, fil-qasam tas-saħħa u dak ta’ l-edukazjoni. It-titjib li qed jiġi esperjrenzajt sa issa, bħal perjodu ta’ qabel l-2013, hu wieħed li ma hux jiġi dubitat. Fl-2013, il-Partit Laburista telgħa wara li ssosdisfa l-kriterji varji li jrid l-elettorat, kif ukoll fuq l-impenn għal governanza.
    Jidher li issa pero, hawn kurrenti għal partit ieħor. B’kuntrast ma’ pajjiżi oħra m’aħniex nitkellmu fuq ħtieġa ta’ forza politika minħabba esiġenzi politiċi ekonomiċi jew soċjali. Qed nitkellmu dwar esiġenzi li jixhdu d-diżżillużjoni minn atturi u sistema. Id-diżappunt ewlieni jidher li ġej mill-aspett tal-governanza, bħal donnu l-elettorat qata’ qalbu mill-Partiti l-Kbar.
    In-nies iridu sitwazzjoni fejn la l-Partiti l-kbar mhix jissodisfaw il-governanza, jkun hemm min b xi mod jinforza dan. Jistgħa jkun ukoll li hawn sfiduċja fis-sistema li qisu qed jitfittex mod u bidla.
    Il’ hinn mill-mistoqsijiet naħseb l-iktar domanda pertinenti hija: Imma għaliex il-ġlieda politika qed tinbena fuq min hu l-inqas ħażin minflok fuq min hu l-aħjar?
    Jidher li d-dell ta’ l-aħħar ġrajjiet u t-tip ta’ lingwaġġ li ntuża fl-arena politika qed iwassal biex tinqered il-fiduċja u fil-waqt li tista teradika nies li ġenwinament iridu jservu, iridu jkunu aġenti tal-bidla u jridu jtejbu l-ħajja ta’ min jgħix f’Malta u Għawdex, qed tqanaqal il-ħuġġieġa għal partit ġdid.
    L-istorja turi li s-sistema elettorali tagħna ma tħallix lok għat-tielet u r-raba forza fil-Parlament kemm il-darba ma’ jkunx hemm lista wiesgħa ta’ kandidati, programm ta’ kontinwita fl-oqsma li jagħmlu differenza u impenn u prova ta’ ndafa. Il-prijoritajiet ta’ l-elettorat Malti huma l-istabilita governattiva, kredenzjali ekonomoċi, governanza, u wens soċjali. L-elettorat jrid element t’indafa, patrijottiżmu u anke element ta’ viċinanza ma’ min jeleġġi. Fuq kollox xorta jrid li jkun kapaċi jsarraf il-vot u jhedded bih. Minkejja x-xewqa li nkunu nazzjon, xorta elementi ta’ tribaliżmu jibqgħu evidenti fil-mod nesternaliżżaw li għax hemm tagħna nippretendu li ninqdew.
    Jekk forza politika mhux se tkun kapaċi tissodisfa din it-taħlita ta’ eżiġenzi elettorali, se jkun diffiċli li tilħaq l-għanijiet tagħha.