Oġġezzjoni tal-Kuxjenza

     

    • Film dwar eroj tat-Tieni Gwerra Dinjija jirċievi standing ovation ta’ għaxar minuti waqt festival prestiġġjuż;
    • Awtur popolari u rispettat jattakka eluf ta’ tobba fl-Italja;
    • Numru ta’ spiżjara Maltin beżgħana dwar il-ġejjieni tagħhom.

    X’jorbot dawn it-tliet realtajiet flimkien? Dik li tissejjaħ l-oġġezzjoni tal-kuxjenza (bl-Ingliż: conscientious objection) jiġifieri meta wieħed jastjeni milli jieħu sehem f’imġieba li tmur kontra l-kuxjenza u l-prinċipji tiegħu.
    L-ewwel każ li semmejt huwa Hacksaw Ridge, film dirett minn Mel Gibson li daqt ħiereġ fis-swali taċ-ċinema. Jitratta l-istorja ta’ suldat Amerikan żagħżugħ, Desmond Doss (parti interpretata minn Andrew Garfield), li rrifjuta li juża pistola jew xkubetta waqt dmirijietu bħala medic fl-armata. Doss kien Seventh Day Adventist, komunità Protestanta li tħaddan il-paċifiżmu u topponi l-użu tal-armi.
    Minkejja dan, Doss altru li ma kienx beżżiegħ, kif laqqmuh sħabu. Taħt sparar ma jaqta’ xejn, Doss irnexxielu jsalva mill-inqas 75 suldat ferut u fil-proċess sofra ġrieħi serji hu stess. Għal dan l-eroiżmu inkredibbli huwa ngħata l-Congressional Medal of Honor, l-ewwel conscientious objector li stħaqqlu dan l-ogħla unur għal suldat Amerikan. Jidher li l-film ta’ Gibson tant huwa tajjeb li waqt il-festival taċ-ċinema ta’ Venezja il-pubbliku preżenti dam għaxar minuti sħaħ bilwieqfa jċapċap (il-famuża standing ovation).
    It-tieni każ, sfortunatament, mhuwiex ċelebrazzjoni tal-Objetturi tal-Kuxjenza, iżda pjuttost il-kontra: huwa attakk minn diversi nħawi fl-Italja fuq it-tobba li jirrifjutaw li jipparteċipaw fil-proċeduri tal-abort. Ma’ dan l-attakk ingħaqad Roberto Saviano, kittieb popolari ta’ kotba bħal Gomorra dwar il-ħidma tal-mafja Naplitana, il-Camorra. Saviano sostna li “l-oġġezzjoni tal-kuxjenza hija pjaga għall-Italja”.
    Fil-fatt, bosta fl-Italja qed jużaw il-mewt traġika ta’ mara tqila b’tewmin bħala pretest biex jattakkaw lil għexieren ta’ eluf ta’ tobba u nfermiera li ma jiħdux sehem fi proċeduri ta’ abort (kif tippermettilhom il-liġi). L-ironija u l-ħasra hi li l-maġistrati inkwirenti sabu li oġġezzjoni tal-kuxjenza qatt ma ntużat minn ebda tabib li ħadem fuq dik il-povra mara li mietet! Imma għal ċerti kurrenti liberali, kull skuża hija valida biex jattakkaw lil min ma jaqbilx mal-abort.
    U l-każ tal-ispiżjara Maltin? Iva, sfortunatament anki f’Malta nfetaħ attakk fuq l-objetturi tal-kuxjenza. Wara li l-awtoritajiet baqgħu għaddejjin bid-deċiżjoni tagħhom li jdaħħlu l-Morning-After-Pill minkejja l-oġġezzjonijiet li tqajjmu għall-fatt li f’xi każi din tista’ tikkawża l-mewt tal-embrijun, il-Kamra tal-Ispiżjara iddefendiet lill-membri tagħha u saħqet li bħala professjonisti indipendenti tal-kura tas-saħħa, l-ispiżjara għandhom dritt joġġezzjonaw għal raġunijiet ta’ kuxjenza milli jbiegħu dil-pillola.
    Fil-pront infetaħ attakk fuqhom minn bosta attivisti liberali, forsi biex ifakkruna li l-intolleranza mhijiex monopolju tal-konservattivi! Sostnew li l-ispiżjara m’għandhom l-ebda dritt jirrifjutaw li jbiegħu l-MAP ħlief għal raġunijiet mediċi. Xi ħadd kompla jgħid li jekk l-ispiżjara joġġezzjonaw għal raġuni morali (mhux purament mediċi), dawn għandhom jitilfu l-liċenzja tagħhom. Issemmiet ukoll il-possibilità ta’ bojkott fuq l-ispiżeriji li ma jbigħux il-MAP.
    Evidentement dawk li kkummentaw hekk ma jistgħux jifhmu li għall-ispiżjara li qed joġġezzjonaw għall-MAP, ir-raġuni morali hija wkoll raġuni medika: għax proprju jemmnu li f’ċerti każi din tista’ effettivament tikkawża abort. Inkella forsi għandhom diffikultà b’ċertu tip ta’ moralità: dik kultant imsejħa “tradizzjonali”, ibbażata fil-liġi naturali u fit-twemmin Kristjan, u b’dawk li jipprattikawha. Ara fejn jidħlu moralitajiet “alternattivi”, hemmekk mhux biss iriduna tolleranti iżda jriduna saħansitra niċċelebrawhom!
    Bl-istess mod li bħalissa qed issir pressjoni fuq l-ispiżjara, ‘il quddiem – meta l-abort jidħol f’pajjiżna – għad issir pressjoni fuq it-tobba, l-infermiera u staff mediku ieħor. Ngħid “meta”, mhux “jekk”: hija biss kwistjoni ta’ żmien, sfortunatament. Meta jkun hemm biżżejjed voti fil-qoffa, il-partiti politiċi malajr ibigħu ruħhom. U dakinhar ibqgħu ċerti li l-istess paladini tal-libertà u d-drittijiet ċivili li bħalissa qed isejħu għat-tneħħija tal-liċenzja lill-ispiżjara (proprju talli jridu jeżerċitaw dritt fundamentali) għad jagħmlu l-istess ma’ kull min ma jaqbilx mal-aġenda tagħhom.
    Altru li mhux standing ovation ta’ għaxar minuti!

    Dun Brendan M. Gatt