Nuqqas ta’ interess ģuridiku

    Nhar it-30 ta’ Settembru 2016, il-Qorti tal-Appell (Ġurisdizzjoni Superjuri) komposta mill-Prim Imħallef S. Camilleri flimkien mal-Imħallfin T. Mallia u N. Cuschieri, qatgħet is-sentenza fil-kawża Tarcisio Rapa et vs. Winston Montanaro Gauci et.
    Dan kien appell minn sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) (Ġurisdizzjoni Superjuri) fejn il-konjuġi Rapa talbu lill-Qorti tirrevoka s-sentenza tal-ewwel qorti, tilqa’ t-talbiet tagħhom u tiċħad l-eċċezzjonijiet tal-konvenuti bl-ispejjeż kontra l-istess konvenuti.
    Il-konjuġi Rapa kienu qalu lill-ewwel qorti li huma kienu proprjetarji tal-fond “Republic Restaurant, Trattoria”, numru 24, Triq Marina, Marsalforn, liema fond għandu numru ta’ twieqi b’veduta fuq spazju. Qalu li fl-4 ta’ Jannar 1998 kienu skoprew li Montanaro Gauci kien bena taraġ sabiex jieħu vantaġġ mit-twieqi u saqqaf dan it-taraġ u l-ispazju b’arkati. B’dan il-mod, id-dawl li kienet tirċievi t-tieqa u l-fond sħiħ naqsu b’madwar sebgħin fil-mija. Huma allegaw li dan kien spoll vjolenti u klandestin. Huma talbu lill-qorti sabiex tiddikjara li seħħ spoll mill-konvenuti, tikkundanna lill-konvenuti jreġġgħu kollox lura għal li kien u jekk dan ma kienx possibbli, sabiex tawtorizza lill-konjuġi Rapa stess sabiex iwettqu x-xogħlijiet a spejjeż tal-konvenuti.
    Il-konvenuti qalu li fil-fatt ma kien seħħ ebda spoll għax huma kellhom kull jedd jagħmlu dak li għamlu u li l-kawża kienet infetħet bi skop vessatorju u bl-iskop li tfixkilhom fl-iżvilupp ta’ ħwejjiġhom. Il-konvenuti kienu qalu wkoll li l-konjuġi Rapa ma kellhom ebda interess ġuridiku.
    L-ewwel qorti fissret il-kunċett tal-interess ġuridiku fid-dettal billi kkwotat awturi Taljani u ġurisprudenza Maltija u qatgħetha li l-atturi ma kellhom ebda interess ġuridiku u għalhekk, illiberat lill-konvenuti mill-osservanza tal-ġudizzju.
    Il-konjuġi Rapa appellaw din is-sentenza quddiem il-Qorti tal-Appell.
    Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ interess ġuridiku, huma qalu li għalkemm fis-sena 2000 huma ttrasferew il-fond lill-kumpannija Ta’ Guzman Ltd, huma kienu l-uniċi żewġ azzjonisti (shareholders) tal-istess kumpannija u li kellhom f’idejhom ir-rappreżentanza legali u ġuridika tal-kumpannija.
    Il-konjuġi Rapa argumentaw ukoll li l-eċċezzjoni setgħet tqajmet fi stadju iktar bikri u mhux wara li l-mertu kien eżawrit u kienu ngħalqu l-provi u anki ġew ippreżentati n-noti ta’ sottomissjonijiet mill-partijiet. Huma argumentaw li ladarba l-provi kienu ngħalqu u n-noti ta’ sottomissjonijiet ġew ippreżentati, l-ewwel qorti ma kienet żbaljata meta ddeċidiet il-kawża biss fir-rigward tal-eċċezzjoni rigward l-allegat nuqqas ta’ interess ġuridiku.
    Fir-risposta, il-konvenuti qalu li kien inutli għall-atturi li jistrieħu fuq il-fatt li kienu diretturi tal-kumpannija Ta’ Guzman Ltd għax kien japplika l-prinċipju tad-distinzjoni bejn il-personalità ġuridika tad-diretturi u dik tas-soċjetà. Il-konvenuti spjegaw x’kien intqal f’sentenzi passati ta’ qrati diversi u argumentaw li l-appellanti lanqas biss kienu appellaw mid-digriet li permezz tiegħu l-ewwel qorti awtorizzat is-sottomissjoni ta’ eċċezzjoni ulterjuri, kif kellhom kull jedd li jagħmlu.
    Il-Qorti tal-Appell qalet li fis-sena 2000, meta l-konjuġi Rapa ttrasferew il-fond lis-soċjetà, inkludew fit-trasferiment kwalunkwe dritt litiġjuż li seta’ kellhom u għalhekk neżżgħu lilhom infushom minn kull dritt li seta’ kellhom. Dan kien ifisser li b’hekk huma tilfu l-interess ġuridiku. In sostenn tar-raġunament tagħha, il-Qorti kkwotat l-awtur Taljan Mattirolo u diversi sentenzi passati.
    Għalhekk, il-Qorti ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza appellata.
     
    Min jixtieq iktar dettalji, fosthom li jaqra s-sentenza sħiħa, jista’ juża l-website www.justiceservices.gov.mt