Nominazzjoni Helena Dalli: Prosit Adrian Delia, Istħi David Casa!

    Luke Zerafa

    Kemm ħadt gost meta qrajt li l-Partit Nazzjonalista kien se jappoġġja n-nomina ta’ Dr Helena Dalli għal Kummissarju Ewropew. Din hi t-tip ta’ politika li jridu jaraw il-maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin. Politika fejn il-partiti politiċi jaħdmu flimkien fl-interess nazzjonali filwaqt li jżommu l-identità u l-ideoloġija differenti tagħhom.

    Min-naħa l-oħra, ngħid illi kont totalment diżgustat bl-aġir kundannabbli tal-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa li sfida lill-Kap tiegħu stess u pprova jumilja lill-Partit Laburista fil-gvern billi jabbina ċerti kundizzjonijiet umiljanti biex jingħata dan l-appoġġ lil Dr Dalli.

    Tat-tifħir l-aġir ta’ Dr Adrian Delia u daqstant ieħor tal-mistħija l-aġir tas-Sur David Casa. Jidher ċar li fil-Partit Nazzjonalista għad baqa’ klikka żgħira ta’ nies li la għandhom lealtà lejn il-Kap tal-PN u lanqas rispett lejn għażliet demokratiċi li jkunu saru fi ħdan il-Partit stess.

    Aġir bħal dak ta’ David Casa jagħmel ħsara lill-pajjiż, lid-demokrazija u lill-futur tal-Partit Nazzjonalista li suppost jifforma parti minnu. Il-poplu Malti u Għawdxi jixtieq jara politika fejn il-partiti politiċi jaħdmu fl-interess nazzjonali u mhux politika ta’ konfrontazzjoni bla bżonn.

    Nawgura suċċess lil Dr Helena Dalli meta tidher quddiem il-Parlament Ewropew biex tiġi approvata fil-kariga ġdida tagħha.

    Helena Dalli skrutinizzata fit-2 ta’ Ottubru