Nisa tqal dipendenti mis-sustanzi

    Meta mara tkun tqila minbarra li trid tieħu ħsieb tagħha nnifisha trid tieħu ħsieb tat-tarbija li jkollha fil-ġuf. Dan għaliex ċerti sustanzi għandhom effetti ħżiena fuq it-tarbija li qed tifforma kif ukoll fuq is-saħħa ta’ l-omm.

    Insemmu l-alkoħol li sfortunatament ma’ jitqies bħala sustanza abbużiva meta jittieħed waqt it-tqala minn x’uħud. Qed nitkellmu fuq kull tip ta’ alkoħol u allura ninkludu l-birra, l-inbid u l-ispirti. Kollha jistgħu jagħmlu ħsara lit-tarbija. Mhux kulħadd jiġi effetwat bl-istess mod u għalhekk li waħda tqabbel ruħha ma xi ħadd ieħor ma tantx jagħmel sens. Ukoll tajjeb li ngħidu li kien hawn min xorob waqt it-tqala u t-tarbija ma ġralha xejn imma l-aħjar li waħda tevita speċjalment għax nafu li hemm każijiet fejn jista jagħmel il-ħsara.

    Iżda jekk imbagħad nitkellmu fuq l-abbuż tad-droga, is-sitwazzjoni tikkomplika ruħha aktar. Meta nsemmu d-droga qed insemmu l-eroina, l-kokaina, l-ħaxixa, l-mephedrone u sustanzi oħra. Il-mod ta’ kif titieħed id-droga ukoll se jaffettwa għax jekk waħda qed tieħu d-droga fil-vina u qed tuża affarijiet użati, iċ-ċans li ddaħħal infezzjoni fid-demm hija kbira ħafna.

    Il-mara li qed tabbuża minn dawn is-sustanzi u ukoll hija tqila għandha ħafna xi trid tagħmel. Trid taħdem bis-sħiħ sabiex tħalli l-problema warajha u f’dan il-perjodu kull ġurnata tgħodd iżda trid ukoll tirrejalizza l-effett li qed ikun hemm fuq it-tarbija li jistgħu jibqgħu ukoll wara t-twelid.

    Il-konsegwenzi jistgħu ikunu mediċi, psikoloġiċi, soċjali, legali kif ukoll diffikultajiet ġewwa l-familja. Qabel ma naslu għall-kundanna, irridu nifhmu f’hiex tkun qeda din il-persuna. Jista jkun li waqt li tixtieq tieqaf għax taf li hija tqila, ma jkunx possibbli għaliha li tagħmel dan: iċ-ċirkostanzi tagħha ma jippermettulhiex jew m’għandiex s-sapport meħtieġ. Għalhekk inħeġġu ħafna lil nisa li jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni, li jfittxu l-għajnuna malajr kemm jista jkun sabiex bl-għajnuna ta’ tim ta’ professjonisti jingħataw dak is-sapport meħtieġ. Sfortunatament naraw kasijiet li jippreżentaw tard ħafna fit-tqala.

    Sfortunatament l-effetii ma jifqux mat-tqala iżda jibqgħu ukoll wara t-twelid tat-tarbija. Fosthom insibu:

    • nuqqas ta’ piż mat-twelid;
    • effetti neggattivi fuq l-iżvilupp tat-tarbija;
    • effetti ħżiena fuq l-abilta li jitgħallmu;
    • effetti fuq l-imġiba tat-tfal fil-futur;
    • f’każi fejn kien hemm l-abbuż tad-droga, it-tarbija tesperjenza dak li jissejjaħ withdrawals fejn it-tarbija tesperjenza uġigħ qawwi meta ma tibqax titieħed is-sustanza;
    • fejn kien hemm abbuż ta’ l-alkoħol, it-tarbija tista titwieled b’kundizzjoni imsejħa Foetal Alcohol Syndrome … fejn apparti li jitwieldu ta’ piż baxx, bl-iżvantaġġi li dan iġib miegħu, ikollhom fattizzi tal-wiċċ differenti minn ta’ tfal oħra;

    It-tarbija li titwieled b’dawn is-sustanzi iddum aktar minn adult biex teħles minnhom mis-sistema tagħha. Tajjeb li nfakkru li anke omm li qeda tredda’ lit-tarbija tagħha trid toqgħod attenta li ma tieħux xi sustanzi għaliex fejn forsi lilha ftit alkoħol ma jgħamlilha xejn, lit-tarbija tagħha jista jeffetwa fl-irqad jew fl-ammont ta’ ħalib li tixrob. Tista tkun aktar letarġika u jekk is-sitwazzjoni tkun fit-tul tikber iżjed bil-mod. Tista ukoll tiżviluppa problemi ta’ koordinament u ta’ mġiba.

    Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali bl-aġenziji tagħha Sedqa u Appoġġ, flimkien ma professjonisti oħra fil-qasam tas-saħħa li jkunu preżenti biex jgħinu lill-mara tqila u lit-tarbija wara t-twelid joffru servizz speċjalizzat għal dawn in-nisa fejn tingħata l-aħjar kura lil omm u lit-tarbija. Illum ħafna mit-tqaliet f’dawn iċ-ċirkostanzi jwasslu għal twelid għax l-ommijiet huma ikkurati. Importanti ħafna li kull min jista jibbenefika minn dawn is-servizzi jiġi għalihom jew ikun referut mill-ewwel. Għal aktar tagħrif tista ċċempel fuq is-Supportline 179 jew direttament ghand sedqa fuq in-numru 23885110.

     

    Sina Bugeja

    Kap Eżekuttiv, Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali