Nirrispettaw l-għażla: appoġġ totali lill-Prim Ministru l-ġdid

    Jien ivvotajt lil Chris Fearne fl-għażla li saret mit-tesserati tal-Partit Laburista għal Mexxej tal-Partit u allura, ukoll, Prim Ministru ta’ Malta ladarba l-Partit Laburista qiegħed fil-gvern. Però, il-maġġoranza tat-tesserati għażlu lil Robert Abela. Għalhekk, issa nħeġġeġ lil kulħadd biex jirrispetta din l-għażla totalment demokratika tat-tesserati tal-Partit Laburista u ejjew nagħtu l-appoġġ kollu tagħna lill-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista u l-Prim Ministru tal-Maltin u Għawdxin kollha.

    Ngħiduha kif inhi, Robert Abela għandu biċċa xogħol tassew iebsa quddiemu għax irid inaddaf isem Malta quddiem l-Ewropa u l-kumplament tad-dinja kif ukoll jaċċerta li f’Malta tirrenja s-saltna tad-dritt u jkollna l-governanza tajba. Dan kollu fl-isfond ta’ operat trasparenti min-naħa tal-Gvern Laburista u bil-meritokrazija bħala l-bażi tal-ħatriet kollha pubbliċi. Il-Prim Ministru l-ġdid irid jaħdem biex jissaħħu l-istituzzjonijiet u biex kulħadd jibda jipprattika l-politika bħala servizz pubbliku u mhux attività merċenarja. Biċċa xogħol tassew iebsa u huwa propju għalhekk li l-Prim Ministru l-ġdid għandu bżonn l-appoġġ totali tagħna l-Maltin u Għawdxin kollha. Huwa dmir tagħna bħala ċittadini li nappoġġjaw l-isforzi li sejrin isiru f’dan ir-rigward.

    Robert Abela jrid jara li taħtu bħala Prim Ministru jiġi totalment solvut u magħluq il-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Irid jara wkoll li l-Partit Laburista fil-gvern iżomm ċerta distanza minn mal-businessmen u fl-istess ħin jibqa’ jagħtihom l-għajnuna kollha meħtieġa kif, wara kollox, huwa d-dmir ta’ kull gvern. Kif awguraw tajjeb l-Isqfijiet tagħna, huwa kruċjali wkoll li l‑ħidma u l‑koperazzjoni bejn il‑Knisja u l‑Istat ikomplu fi spirtu ta’ rispett tal‑awtonomija reċiproka u fi spirtu ta’ kollaborazzjoni għall-ġid komuni. L-aħħar imma mhux l-inqas, Robert Abela jrid jagħti importanza kbira lill-ħarsien tal-ambjent, xi ħaġa li l-gvern immexxi minn Joseph Muscat kien fjakk ħafna fiha. Hemm bżonn li ċerti “cowboys” ta’ żviluppaturi jiġu mrażżna darba għal dejjem.

    Kulħadd qed jistenna wkoll li Robert Abela ma jkunx influwenzat iżżejjed minn Joseph Muscat. Ngħid għalija, ċertu diskors li qal l-ex-Prim Ministru waqt l-attività tat-tluq tiegħu ma tantx għoġobni, anzi ħassibni u rajtu xi ftit inkwetanti, partikolarment meta tkellem fuq in-nisa. Irrelevanti minn kienx qed jirreferi għall-abort jew le, il-fatt kardinali jibqa’ li Joseph Muscat spiċċa minn Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista u għalhekk m’għandux ikun hu li jissettja l-aġenda ta’ dak li għandu jsir f’pajjiżna. Dan għandu jagħmlu l-Prim Ministru flimkien mal-Kabinett tiegħu u dejjem skont dak li jixtiequ l-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin.

    Nawgura suċċess lil Dr Robert Abela fil-ħidma tiegħu għall-ġid ta’ Malta u tal-Maltin u Għawdxin kollha.