Nirrispettaw il-Verità u lil Xulxin

    Kemm tassew il-politiċi taghna laqgħu l-appell sinċier li għamlu l-Isqfijiet fil-Pastorali dwar l-Elezzjonijiet Ġenerali fejn appellaw mill-qalb biex il-kampanja elettorali ngħixuha bi spirtu ta’ rispett lejn il-verità u lejn xulxin, biex il-verdett tal-poplu jigi onorat bl-onestà u fis-sigurtà li jistħoqqlu?

    L-Isqfijiet Pawlu Cremona, Mario Grech u Charles J. Scicluna fakkruna li l-Elezzjonijiet Ġenerali huma mument ta’ importanza kbira fil-ħajja ta’ kull soċjetà demokratika. Kull ċittadin għandu jħossu fid-dmir li jipparteċipa b’mod ħieles u responsabbli; il-kandidati billi jagħżlu li jkunu ta’ servizz għal kulħadd u l-elettorat billi jesprimi l-vot tiegħu.

    Suppost li bħalissa qegħdin nirriflettu dwar il-proposti li qegħdin jagħmlu l-partiti politiċi lilna l-elettorat li se nkunu mistiedna nagħtu l-verdett tagħna fid-9 ta’ Marzu li ġej. Minflok qegħdin naraw kampanja li flok tiffoka fuq it-temi li jinteressaw il-kotra li jgħixu f’dawn il-gżejjer qegħdin naraw kampanja diviżiva għall-aħħar li toħloq sfiduċja fil-politika inġenerali.

    Mhux ta’ b’xejn li Żaren tal-Partit tal-Ajkla rnexxielu jiġbor il-mijiet warajh għal ftit ħin li għaqqad u ħoloq tbissima.

    Diġa’ ktibt u tkellimt kemm –il darba fil-jiem għaddew li min abbuża għandu jħallas ta’ għemilu, hu min hu. Inti tkun fdat f’kariga biex iġġib il-quddiem l-interess komuni u mhux l-interess personali. Int obligat li tmexxi dik l-azjenda b’diliġenza għall-ġid komuni u mhux għal gwadan personali. J’Alla l-pulizija tikkonkludi l-istħarriġ tagħha u twassal lil dawn il-persuni biex iwieġbu ta’ għemilhom. Il-pulizija għandha titħalla taħdem b’serenita’ u twettaq il-ħidma fdata lilha mingħajr indħil, pressjoni jew favuri. Għadni nemmen li hekk tagħmel il-pulizija.

    Sostnejt u nsostni li dak li wieħed jgħid kemm fil-pubbliku kif ukoll fil-privat għandu jerfa’ r-responsabilta’ tiegħu. U persuni f’karigi pubbliċi għandhom jagħmlu dan b’attenzjoni.

    Ma naqbilx u nikkundanna lil min juża mezzi illeċiti biex jirrekordja konversazzjonijiet biex imbagħad jużhom għal gwadan personali tiegħu, biex jirrikatta lil xi ħadd, biex javvanza ‘l quddiem jew biex jagħmel vendetta minn ħaddieħor. Pajjiżna żgħir u n-nies magħrufa. U huwa aktar gravi li min ikun għamel dan ikun persuna fdata mill-persuna l-oħra sakemm jidorbu. Fakkritni f’storja li kien qalilna surmast fl-iskola primarja tal-Mosta. Persuna tkun miexja fis-silġ, imgeddsa fi lbies li jaqta’ kesħa. Jara lifgħa titgħawweg kważi mejta fil-kesħa, tħassarha u daħħalha ġo ħobbu. Din x’ħin ġiet f’tagħha u saħnet, gidmet li min kien henn għaliha u qatlitu. Jiddispjaċini li dawn il-metodi intużaw fil-passat u qegħdin jintużaw illum. U huwa ħażin li min abbuża jispiċċa glorifikat ta’ għemilu.

    Min hu f’kariga politika ma jinsiex li jgħix f’pajjiż u għandu jara l-ġid komuni u mhux biss ta’ ftit persuni li jappartjenu l-partit tiegħu. Jekk hemm il-ħażin mhux biss int obligat li tieħu passi interni imma fejn hemm ksur ta’ liġi kriminali allura dik ma tibqax xi ħaġa interna imma l-passi jridu jittieħdu fl-interess tal-komunita’ kollha kemm hi. U l-pulizija jekk jaslilha rapport għandha taġixxi dwaru mmedjatament ħalli taqbad lil min jabbuża u mhux tistenna snin wara lill-politiċi li jitqabu f’xulxin biex jieħdu azzjoni meta l-għasfur ikun tar.

    Ejjew dawn il-ftit jiem li baqa’ ta’ kampanja elettorali ngħixuhom bi spirtu ta’ rispett lejn il-verità u lejn xulxin, biex il-verdett tal-poplu jiġi onorat bl-onestà b’risq il-ġid komuni ta’ pajjiżna.

    Dr. Joe Mifsud
    Avukat