Niġbdu ħabel wieħed biex nevitaw kollass ekonomiku minħabba l-coronavirus

    Robert-Abela-u-Chris-Fearne

    Tifhimha li bħalissa l-maġġoranza tal-Maltin u Għawdxin huma inkwetati ħafna minħabba li l-Coronavirus daħal f’pajjiżna u għalhekk huwa ta’ theddida serja għas-saħħa tal-popolazzjoni tal-pajjiż. Min-naħa l-oħra huwa ta’ wens kbir il-fatt li s-servizzi tas-saħħa f’pajjiżna qed jaħdmu b’mod professjonali ħafna biex jilqgħu għal din it-theddida.

    Fid-dawl ta’ dan, forsi ftit qed jaħsbu fuq theddida serja oħra  li qiegħed jiffaċċja pajjiżna u din hi li qed niffaċċjaw kollass ekonomiku jekk ma niġbdux ħabel wieħed, kollha flimkien, biex is-sitwazzjoni ma tmurx għall-agħar. Għalhekk, huwa importanti ħafna li kollha kemm aħna naħdmu id f’id mal-awtoritajiet tal-pajjiż u nosservaw b’mod skrupluż l-ordnijiet u r-regolamenti li jinħarġu minn żmien għal żmien.

    Niftakru li Malta għandha mudell ekonomiku li jiddependi fuq il-ħaddiema barranin. Għandna ekonomija mibnija fuq l-industrija kif ukoll fuq il-qasam tas-servizzi, speċjalment it-turiżmu. Dawn qalgħu daqqa ta’ ħarta kbira minħabba r-riperkussjonijiet tal-Coronavirus. B’dispjaċir kbir ninnotaw li diġà hemm min tilef ix-xogħol tiegħu. Dan kollu jpoġġi responsabbiltà akbar fuq  spallejn kull ċittadin biex naġixxu dejjem fl-aħjar interessi ta’ pajjiżna fi żmien ta’ kriżi kbira.

    Il-Coronavirus għad jispiċċa milli jkun ta’ theddida għalina imma l-konsegwenzi tiegħu se jkunu ħafna aktar fit-tul għal Malta. Issa jiddependi minna jekk nirkuprawx mill-ewwel meta tgħaddi l-burraxka jew jekk nitkaxkrux magħha minħabba l-irresponsabbiltà ta’ numru żgħir ta’ nies li ma jaħsbux fl-oħrajn. Il-Gvern Malti għamel pass fid-direzzjoni t-tajba meta waqqaf kumitat inter-ministerjali ta’ emerġenza, magħruf bħala l-Economic Stimulus Committee, biex jindirizza l-impatt tal-Coronavirus fuq l-ekonomija ta’ Malta.

    Mela niġbdu ħabel wieħed bħala Maltin u Għawdxin biex nipproteġu l-futur ta’ uliedna u ulied uliedna.