Nifirħu u nferrħu

    Kont bilqiegħda fuq bank tal-injam mistrieħ mal-ħajt nilgħaq ix-xemx xitwija wara bieb ta’ ħanut tax-xorb, niekol qagħqa tal-għasel u nixrob tazza kafè Maltija. Il-kafe kien imħawwar bil-kannella, bl-imsiemer tal-qronfol u bi ftit qtar tal-aniżett. X’ma tiftħux l-aptit!

    Ir-riħa tal-kafè fit-triq kienet qasmitli qalbi u dlonk kont dħalt nitkixxef. Il-ħanut kien mimli rġiel jixorbu u jlabalbu miġbura ma’ numru ta’ mwejjed żgħar bilqiegħda fuq il-banketti.

    Xħin dħalt, donnu kulħadd waqaf iħares lejja. Wieħed fosthom, ibigħ l-għomor, sellimli. 

    Kien ħanut li nesa żmienu imma billi kienu l-festi tal-Milied kien imżejjen kif jixraq. Donnu darba fis-sena s-sid kien jagħmel sforz. Wara l-bank anke Bambin f’maxtura kien hemm imdawwar bil-ġulbiena u bil-bozoz ikkuluriti f’għamla ta’stilel.

    F’kantuniera, kien hemm żewġ stanjati jisħnu fuq in-nar u li minn waħda minnhom, sid il-ħanut kien qed iferra’ l-misħun jagħli għal ġol-passatur mimli weraq tat-tè fit-tazzi u mill-oħra kien qed iferra’ l-kafè li kont xammejt minn barra. Minn fuq in-naħa l-oħra ta’ wara l-bank, kienet ġejja riħa sħuna oħra, dik tal-pastizzi u l-qassatat li kienu f’tilari, imsaħħna fuq nar baxx ġo forn tal-pjanċa. Iżda kienu l-qagħaq tal-għasel li waqqgħuli żaqqi. Ma kinux fil-boroż bħalma s-soltu naraw fil-ħwienet imma kienu f’tilar mgħottijin b’xibka tad-drapp abjad biex ma tmurx toqgħod xi dubbiena fuqhom. Mill-għamla tagħhom donnhom kienu tad-djar. Mit-togħma tagħhom, meta doqthom, ikkonfermaw dak li ħsibt. It-tjubija ġġiegħlek tilgħaq xufftejk.

    Ma kinitx kafetterija bħalma s-soltu mdorri mmur fiha. Li jolqtok mal-ewwel daqqa t’għajn kienu l-parruċċana li dehru midħla sew ta’ xulxin u s-sempliċità tal-post kienet waħda li tilqgħek.

    Kont ħriġt barra bilqiegħda fuq il-bank biex ingawdi l-madwar tal-wesgħa ċkejkna li kienet quddiem dan il-ħanut. Minn hemm innutajt li bosta kienu d-djar ġirien li kellhom il-gallariji tal-injam jew il-bibien ta’ barra mżejna b’ornamenti festivi u tieqa ta’ dar minnhom kellha l-persjana miftuħa beraħ armata bi presepju l-ġmiel tiegħu. Mingħajr ma trid, l-atmosfera ta’ ferħ iddakkrek. Donnhom ir-residenti ta’ din ix-xaqliba ta’ dan ir-raħal riedu jgħaddu messaġġ festiv ta’ hena li xtaqu jaqsmu mal-oħrajn. Bħall-anġli tas-smewwiet tal-presepju, minbarra l-glorja, donnhom riedu jgħidu “nifirħu u nferrħu.” 

    Kont qed naħseb kemm fil-fatt dan il-ferħ ġenwin naqas sew fostna f’dawn l-aħħar snin. Anke t-tiżjin tad-djar, kemm barra mal-faċċata kif ukoll ġewwa, naqas. Is-sinifikat tal-miġja tal-Bambin Ġesù ftit jinħass. 

    Meta kont ċkejken niftakar lil missieri saħansitra jżejjen is-saqaf tal-kċina b’rollijiet tal-karti kuluriti, bi ħbula tal-karta fidda mtaqqba roti tondi, bi bżieżaq u stilel, biex ma nsemmix il-presepju tal-kartapesta li ta’ kull sena konna narmaw. Ftit ftit, dawn id-drawwiet kollha qed jgħibu mal-miġja ta’ żminijiet ġodda. “Ħasra,” għidt bejni u bejn ruħi.

    Kien f’dan il-mument li ftakart fis-siġra tal-Milied li kont għadni kemm waqqaft id-dar. Kont għaqqadtha jien. Ma nistax ngħid mod ieħor. Kienet magħmula minn zkuk niexfa tal-bużbież li rbatthom flimkien u b’żebgħa tal-isprej tajthom laqta lewn id-deheb u l-fidda u wara ddekorajtha b’tiżjin u ġugarelli tal-Milied. Meta konna żgħar, missieri ġieli kien jaqta’ fergħa minn siġra taż-żnuber u wara kien iżejjinha, qabel ma daħlet l-użanza tas-siġra artifiċjali. Kien l-għors tiegħi u ta’ ħuti meta jasal il-waqt biex ngħinuh. 

    L-istess kien jiġri meta ommi kienet tibda tipprepara l-kejk tal-Milied, minn xi ħmistax qabel. Ilkoll kemm aħna konna nispiċċaw ngħinuha u fl-aħħar konna nispiċċaw f’taqbida bejnietna min ser ilaqqat l-aktar l-iskutella tat-taħlita jew iż-żejjed tal-icing. Illum, ħafna huma dawk li jmorru jixtru kejk lest.

    Tbissimt.

    Ħarist lejn il-Bambin fit-tieqa. Ta’ kull sena u issa għal bosta snin, taħt is-siġra għadni nqiegħed lit-tarbija Ġesù. Illum, il-figura tal-Bambin tal-ġibs spiċċat b’id waħda, għax l-oħra b’xi mod jew ieħor inkisret, iżda lil din il-figura li tirrappreżentah qatt ma bdiltha ma’ oħra ġdida jew isbaħ. Għalija għandha sinifikat b’tifkira għażiża. Dan hu wieħed mill-Bambini li kont qlajt bħala rigal tal-Milied mingħand tal-Mużew meta kont immur id-duttrina. Wara kollox, il-Bambin hu ta’ kulħadd: tal-midrub, tad-dgħajjef, tal-marid, ta’ min hu b’xi diżabilità…għax jilqa’ lil kulħadd.

    “Il-Milied it-tajjeb, tabib” qalli leħen li m’għaraftx. Kien għadu kemm xiref raġel mill-bieb tal-ħanut u waqt li baqa’ miexi b’pass ħafif, bi tbissima ferrieħa qalli “Sejjer għat-tifel. Illum għandu l-aħħar prova tal-prietka tal-Milied.”

    Qomt b’ħasda minn fejn kont. Kważi waqqajt il-kafè minn idi. “Awguri, awguri…awguralu” għidt bi tlaqliqa. Ma kontx nafu, iżda donnu xtaq jaqsam il-ferħ ta’ familtu miegħi.

    U la kont qomt minn posti, xrobt il-kafè li kien fadal fit-tazza, dħalt fil-ħanut, qegħedtha fuq il-bank, u bi tbissima dort fuq l-irġiel kollha li kienu miġbura u għidtilhom “Nawguralkom Milied hieni.”

    Ħriġt mill-ħanut u rħejtilha għall-karozza biex immur id-dar.

    Illejla, lejlet il-Milied, tal-Mużew joħorġu bil-purċissjoni tal-Bambin  ikantaw l-innijiet mat-toroq tal-Qrendi. Tbissimt. Ftakart f’kemm-il darba ħadt sehem meta kont tfajjel fil-purċissjoni ta’ Ħaż-Żebbuġ u kantajt ‘Ninni la Tibkix Iżjed.’ 

    Waqt li kont qed insuq bdejt inkanta…

    Dan hu l-ferħ li jnisslu fina dawn il-ġranet tal-Milied.

    Il-Milied it-tajjeb!