Ngħożżu f’qalbna u nxerdu l-kelma!

    Ħbieb xtaqt naqsam magħkom ftit ħsibijiet fuq il-ferħ tal-Milied. Bdejna naraw ħafna dawl iteptep, christmas trees jixgħelu u xi father christmas jixxabbat ma’ xi tieqa, imma qatt ma jirnexielu jidħol. Kulħadd bħalissa qiegħed on festive mode u kuntent u xi ftit daħkan mehdi jara x’rigali ser jixtri u x’ikla ser jagħmel. Insomma kollox ma’ kollox hawn l-ispirtu tal-Milied… l-ispirtu li jagħmel is-soċjetà tagħna allegra u ħajja iżjed mis-soltu. Imma jispikka l-iżjed Ġesù Bambin… imżejjen sabiħ ġo xi tieqa jew fuq xi mejda mdawwar qalb il-ġulbiena.
    Tolqotni ħafna l-espressjoni tal-Papa Franġisku… espressjoni qawwija ħafna… li laħqet il-milja tagħha fis-sena tal-Ħniena. “Miserando Atque Eligendo – Ħniena rrid u mhux sagrifiċċju!” Din l-espressjoni naraha li tispjega ħafna l-misteru divin tal-Milied. Dak li twieled għalina u ried ikun bniedem bħalna… u dak li ġie fid-dinja biex iwassal il-bxara tajba lill-fqajrin u jħabbar il-ħelsien lill-imjassrin! Ġesù jistedinna biex miegħu niċċelebraw il-Ħniena… fit-twelid tiegħu Ġesù juri lilna l-Ħniena kbira tiegħu. Fiċ-ċokon ta’ tarbija juri lilna li Hu t-triq, il-verità u l-ħajja, għax mibgħut għalina minn Alla l-Missier. F’dan iż-żmien niċċelebraw l-ewwel miġja ta’ Ġesù fostna, imma rridu lkoll nitħejjew tajjeb għat-tieni miġja tiegħu… inħarsu lejħ u fiċ-ċokon tiegħu, għad li hu Alla, npoġġu lilna nfusna u naħsbu f’kemm tajjeb stajna għamilna u f’kemm il-drabi se ngħatu qalbna lilu. Ngħożżu f’qalbna lill-imsejkna nsara ppersegwitati, lill-immigranti, lit-tfal vitmi tal-egoiżmu… għax f’dawn ukoll Ġesù jitwieled mill-ġdid u nxerdu l-kelma li Ġesù Kristu twieled għal kulħadd!
    Il-veru ferħ tal-Milied hu fil-kelma t’Alla li ħadet is-sura tal-bniedem. Il-ferħ tal-Evanġelju glorjuż tiegħu ta sura ġdida lill-ħsieb tad-dinja. Ġesù ta lilu nnifsu lilna, hekk li miet għalina fuq is-salib biex isalvana mid-dnub. Togħoġobni din il-poeżija mill-pinna tal-poeta Ingliża Christina Rossetti:

    “What can I give Him,
    Poor as I am?
    If I were a shepherd
    I would bring a lamb.
    If I were a Wise Man
    I would do my part,
    Yet what can I give Him?
    Give my heart.”
     

    L-imġieba tagħna f’dan il-Milied għandha tkun riflessjoni tal-imħabba u altruwiżmu li jgħallimna Ġesù Kristu. Li ngħatu u mhux nirċievu, hi l-milja u l-qofol tal-ispirtu tal-Milied! Noħorġu ‘l barra minn djarna u nilqgħu għandna lil dawk il-persuni anqas fortunati minnha. Qlubna jimtlew bil-ferħ… naħfru lill-għedewwa tagħna… niftakru fi ħbiebna… u nikkomettu lilna nfusna lil Alla. Ta’ min nieħdu ftit iżjed interess fil-proxxmu tagħna aktar milli nieħdu interess fl-affarijiet materjali bħal mobile u medja soċjali u biex verament ngħixu dan l-ispirtu tal-Milied, irridu inżommu f’moħħna li qed ngħixu l-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu fina! L-ispirtu tal-Milied huwa l-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu li jixgħel f’qalbna! Huwa f’dan iż-żmien li l-kelma t’Alla ser terġa titwieled f’qalbna u huwa dan l-Ispirtu tal-Evanġelju li jġib mill-ġdid f’qalbna Spirtu ta’ ħafna Ferħ u Paċi. J’Alla nkunu kapaċi nagħtu hekk kif ta lilu nnifsu lilna Ġesù, Salvatur tad-dinja. Kemm kieku tkun ħafna aħjar id-dinja li kieku aħna lkoll kemm aħna ngħatu rigali ta’ mogħdrija u kompassjoni, ta’ qadi u ħbiberija, ta’ qlubija u ġentilezza.
    Nawguralkom ħbieb, li bħalma l-maġi fittxew kewkba li tiddi, hekk ukoll aħna nfittxu f’qalbna li jkollna kewkba tiddi, ddawwalna u li tħejjina biex mill-ġdid, f’qalbna jitwieled Ġesù Bambin. Fiż-żmien li ġej l-anġlu iħabbrilna “ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej.” U ir-rgħajja “bdew jgħarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom.” U aħna kif ser inħabbru lil Ġesù Kristu lill-oħrajn?
     
    Nawguralkom Milied hieni mimli ferħ u paċi li jagħtina Ġesù Bambin u xewqat sbieħ għas-sena ġdida 2017.