Nerġgħu nsiru verament Soċjalisti

    Minkejja l-maltemp politiku, il-veri Laburisti u ħafna Maltin oħra ta’ rieda tajba baqgħu sodi wara l-Partit tagħhom u l-Gvern tagħhom rispettivament. Ftit ieħor u l-ħolma kerha li għaddejna minnha dan l-aħħar tiġi fi tmiemha. Jien persważ li hekk kif jidħol fil-kariga l-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista u l-Prim Ministru l-ġdid ta’ pajjiżna, is-sitwazzjoni nazzjonali tirpilja u l-affarijiet ikunu aħjar għal kulħadd.

    Però, biex dan iseħħ irridu noqogħdu attenti li nevitaw ċerti żbalji Ii wassluna f’xifer l-irdum matul dawn l-aħħar xhur u anke snin. Il-filosofija ta’ “the end justifies the means” trid tinqata’ darba għal dejjem. Din l-idea li ma tistax tkun purament soċjalista fil-mod kif taħsibha u tħares lejn l-affarijiet, fid-deċiżjonijiet importanti li jittieħdu, eċċ., għax inkella ma tiksibx suċċess hija falza u hija r-raġuni li wasslet għal tant inkwiet f’pajjiżna.

    Ma jistax ikun li jkollok agenda soċjalista imbagħad timplimenta miżuri li huma purament tal-lemin. Jew int soċjalista jew m’intix. Trid taħdem ma’ kulħadd, irid ikollok moviment inklussiv li jħaddan nies b’ideat u opinjonijiet differenti imma ma tistax tarmi jew tbenġel it-twemmin politiku tiegħek. Il-Gvern Laburista kiseb suċċess wara suċċess u tejjeb il-ħajja ta’ eluf ta’ nies imma r-rabtiet mill-qrib wisq li kellu mad-dinja tan-negozju ġabuh fi kriżi kbira. Ma tistax tkun il-partit politiku taż-żgħir, tal-vulnerabbli, ta’ min hu l-aktar fil-bżonn u, fl-istess ħin, tfittex l-ewwel l-interessi ta’ min jaħseb f’butu biss għad-detriment tal-kumplament tas-soċjetà Maltija.

    Ma tistax issejjaħ liż-żgħażagħ idealisti għal warajk, imbagħad ikollok fi ħdanek lil min lanqas jaf xi tfisser governanza tajba. Ma tistax tiġi elett fil-poter bl-għajta tat-trasparenza mbagħad ċerti affarijiet ta’ interess pubbliku jsiru b’mod sigriet. Ma tistax titlob l-appoġġ tal-Maltin ta’ rieda tajba mbagħad timla partit b’opportunisti li l-interess tagħhom mhuwiex l-ideal Laburista iżda l-ambizzjoni u buthom. Ma tistax ikollok partit verament soċjalista jekk jibqa’ jkollu fi ħdanu nies li jridu jsikktu lil kulmin ma jaqbilx magħhom u jridu jindaħlu ħaddieħor x’jgħid u ma jgħidx fil-pubbliku.

    Fuq kollox, naqtgħu darba għal dejjem din li noħolqu kult tal-Mexxej tal-Partit. Spiċċajna rredikolajna l-politika u l-ħajja pubblika billi ġibna lill-Prim Ministru qisu xi “pop star”. Nittama li l-Mexxej Laburista u Prim Ministru ġdid jaqta’ darba għal dejjem dawn il-ħmerijiet li jnaqqsu ferm mir-rispett u d-dinjità tal-kariga ta’ Mexxej tal-Partit Laburista u ta’ Prim Ministru ta’ Malta. Min jiftakar lill-Prim Ministru Dom Mintoff jaf li kieku xi ħadd kien jipprova jinċensah b’xi mod jew ieħor kien żgur li jiksru waħda tajba! – U kien jagħmel sew għax kellu sens qawwi tas-serjetà u r-responsabbiltà tal-kariga tiegħu u l-ħmerijiet infantili ta’ ċerti nies kienu jdejquh.

    Jiena nemmen li l-isbaħ żmien għal pajjiżna verament għadu ġej u dalwaqt jibda. Nemmen li l-maġġoranza tal-Maltin mhumiex daqshekk stupidi li jidentifikaw lill-Partit Laburista ma’ grupp żgħir ta’ nies li ttradew il-fiduċja tagħna lkoll il-Laburisti ġenwini u Maltin oħra ta’ rieda tajba. Niftakru dejjem li l-Partit Laburista huwa magħmul minn eluf ta’ nies li ġenwinament jixtiequ l-aħjar għal pajjiżhom u li huma impenjati li dan iseħħ bl-għajnuna tal-ħidma tagħhom.

    Ejjew inkomplu lkoll flimkien fit-triq tal-paċi bejnietna, tat-tolleranza politika, tal-progress u l-prosperità għal Malta u l-Maltin.