Nappoġġjaw il-ġlieda favur l-ambjent

    Kampanja, ambjent

    Waħda mill-akbar kwistjonijiet attwali fil-pajjiż hija dik dwar kif nistgħu nħarsu l-ambjent ta’ madwarna milli jkompli jinqered minn żvilupp bla rażan. Kulħadd jaf li llum qed naraw il-qerda ta’ meded kbar tal-kampanja tagħna minn min m’għandu l-ebda apprezzament tas-sbuħija naturali ta’ pajjiżna. Barra minn hekk, l-istorbju f’Malta sar xi ħaġa ta’ kuljum. L-hekk-imsejħa “noise pollution” saret parti mill-esperjenza ta’ kull ġurnata għaċ-ċittadini Maltin kollha, l-aktar minħabba l-proġetti ta’ kostruzzjoni bla limitu li qed jeqirdu ħafna mill-karatteristiċi tal-ibliet u l-irħula tagħna.

    Quddiem dan kollu, xi ħaġa li verament iddejjaqni hija meta niltaqa’ ma’ nies li b’sens fatalistiku jesklamaw: “Xi trid tagħmel? – Ma’ min hu potenti ma tista’ tagħmel xejn! – Ikollna noqogħdu!” – Din hi attitudni żbaljata ħafna u huwa minħabba nies bħal dawn li llum ġejna fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha. Ħafna jwaħħlu fil-partiti politiċi għall-iżvilupp bla rażan li naraw madwarna u, ngħiduha kif inhi, għandhom raġun. Per eżempju, hija xi ħaġa inkredibbli kif meta jilħaq mexxej politiku ġdid, l-ewwel ħaġa li jagħmel hija li jagħmel laqgħa mal-iżviluppaturi! – Din rajniha ssir fil-każ taż-żewġ partiti l-kbar f’pajjiżna.

    Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li ċ-ċittadin komuni jista’ jagħmel ħafna biex il-ġlieda favur l-ambjent tintrebaħ. L-ewwelnett, dawk li huma attivi f’xi partit politiku jistgħu jaħdmu fl-istrutturi tal-partit tagħhom biex jittieħdu miżuri favur l-ambjent u li jrażżnu l-iżvilupp bla rażan. F’dan ir-rigward, ma nistax ma nikkummentax dwar kemm hi ħasra li f’pajjiżna ma ssibx Partit tal-Ħodor b’saħħtu. Darba kellna lill-Alternattiva Demokratika imma dan il-partit politiku majna ħafna fl-aħħar snin u issa li ngħaqad mal-Partit Demokratiku, tilef ħafna mill-kredibbiltà tiegħu. Wisq nibża’ li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, din l-għaqda bejn l-AD u l-PD se twassal għal riżultat diżastruż li jista’ jfisser ukoll it-tmiem ta’ din l-entità politika.

    “Xorta jibqa’ l-fatt li ċ-ċittadin komuni jista’ jagħmel ħafna biex il-ġlieda favur l-ambjent tintrebaħ”.

    Imma xorta waħda jibqgħu l-NGOs (“Non-Governmental Organisations”) favur l-ambjent, xorta waħda tibqa’ s-saħħa tal-media, xorta waħda jibqgħu l-kunsilli lokali. Iċ-ċittadini jistgħu jagħtu sehemhom billi jappoġġjaw inizjattivi tal-NGOs li jaħdmu favur l-ambjent. L-ewwelnett, billi jidħlu membri ta’ dawn l-NGOs, imbagħad billi jipparteċipaw fid-diversi kampanji li jsiru dwar kwistjonijiet ambjentali. Protesta pubblika dwar kwistjoni ambjentali jista’ jkollha saħħa potenti ħafna jekk numru kbir ta’ ċittadini jipparteċipaw fiha.

    Min forsi l-età jew il-mard ma jippermettilux li jieħu sehem fiżikament attiv, jista’ dejjem jikteb xi artiklu jew xi ittra fil-media lokali. Ta’ min ifakkar li artiklu miktub tajjeb, b’argumenti sodi, jista’ joħloq furur f’pajjiż u jqajjem kuxjenza favur l-ippriservar ta’ xi parti mill-ambjent ta’ madwarna. Ma nistax ma nsemmix ukoll lill-kunsilli lokali. Dawn jistgħu jkunu mezz b’saħħtu biex ir-residenti ta’ lokalità jsemmgħu leħenhom b’mod organizzat u viżibbli dwar xi kwistjoni ambjentali.

    L-ambjent hemm bżonn li nħarsuh mhux biss għalina imma, aktar u aktar, għal uliedna u ulied uliedna. Kif taħsbu li se jibqgħu mfakkra fl-istorja dawk li llum qed jeqirdu lill-ambjent ta’ pajjiżna għall-flus? – Kif taħsbu li se jibqgħu mfakkra dawk il-politiċi li ppermettew li dan kollu jsir? – Ngħid għalija, ma nieħux gost li forsi fil-ġejjieni għad jgħidu li l-ambjent Malti nqered għax in-nies tas-soċjetà Maltija ta’ dak iż-żmien (jiġifieri n-nies tal-lum) kienu qatta’ ġwejjef li ħallew is-sbuħija ta’ pajjiżhom tinqered minn ftit nies bla rispett għall-patrimonju storiku u naturali, bla rispett għall-karatteristiċi kulturali tal-ibliet u l-irħula Maltin, u bla rispett għal dak li kienu jixtiequ l-maġġoranza assoluta taċ-ċittadini Maltin.

    Naġixxu issa!