Naħdmu biex ħadd ma jkun vittma

    Jgħidu li s-saħħa tas-soċjetà titkejjel mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa. Fil-ħidma tagħna favur il-ħajja umana f’kull waqt tagħha, tajjeb li niftakru f’dawk li huma l-aktar dgħajfa u vulnerabbli.

    Fost l-aktar dgħajfa u vulnerabbli hemm il-ħajja umana li għadha fil-bidu nett tagħha, jiġifieri tnisslet imma għadha ma twelditx, meta tiddependi għalkollox fuq ħaddieħor, u tistenna min jilqagħha bil-qalb.

    Fost l-aktar dgħajfa u vulnerabbli hemm dawk li għaddejjin minn tbatija minħabba l-mard, l-età jew xi kundizzjoni oħra. Hemm min ilu s-snin f’qiegħ ta’ sodda. Dawn jitolbu minna attenzjoni u azzjoni li ttaffilhom it-toqol tal-ħajja u tieqaf magħhom fit-tbatija.

    Fost l-aktar dgħajfa u vulnerabbli hemm dawk bi problema ta’ saħħa mentali li jeħtieġu min jurihom bil-fatti li huma maħbuba u li l-ħajja tagħhom hi għażiża.

    Il-vittmi tal-vjolenza domestika

    Fost l-aktar dgħajfa u vulnerabbli hemm persuni vittmi ta’ vjolenza domestika, li jeħtieġu min jgħinhom joħorġu minn sitwazzjoni ta’ tbatija kontinwa u jgħixu l-ħajja b’dinjità.

    Fost l-aktar dgħajfa u vulnerabbli hemm dawk li jispiċċaw bejn sema u ilma, jitkarrbu biex xi ħadd jagħtihom l-għajnuna u ma jisparixxux taħt l-ilma għal dejjem.

    Naħdmu biex ħadd ma jispiċċa vittma tal-indifferenza u tal-kultura tar-rimi, kif jenfasizza spiss il-Papa Franġisku.

    Naħdmu biex ikollna soċjetà b’saħħitha li tgħożż lil dawk li huma l-aktar dgħajfa u vulnerabbli, kif uriena u għallimna Ġesù.

    L-Isqof Joseph Galea Curmi huwa l-Vigarju Ġenerali u Isqof Awżiljarju

    Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

    Flimkien Lulju Cover