Mons. Arthur Said Pullicino: “iva iva, le le”

    Fi ftit sigħat, diġà ntqal u nkiteb ħafna dwar Monsinjur Arthur Said Pullicino li ħalla din id-dinja proprju – kif jixraq – nhar Ħadd ir-Ragħaj it-Tajjeb. Ċertament fadal ħafna x’jintqal ukoll. Nixtieq hawnekk inżid kelmtejn minn tiegħi mhux għax il-Mons. għandu bżonnhom… tul ħajtu (għallinqas fis-snin li kont nafu jien) ftit li xejn kien jinteressah x’jaħsbu dwaru n-nies. U issa iktar u iktar: l-uniku ġudizzju li jinteressah issa huwa dak tal-Mulej, l-Imħallef Ħanin, ir-Ragħaj it-Tajjeb li jerfa’ n-nagħaġ tiegħu fi ħdanu u jwassalhom fil-mergħat ta’ dejjem.

    Nixtieq pjuttost ngħid dan il-kliem għalina lkoll li għadna hawn, b’mod speċjali għalina li naħdmu fil-Knisja, fi kwalunkwe rwol imma ċertament għal dawk li jaħdmu fi rwoli marbuta mat-tmexxija u mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

    Biex ma nifrixx ix-xibka wisq fil-wisgħa, se niffoka biss fuq kelma waħda, atteġġjament wieħed fil-karattru tal-Mons.; is-sinċerità tiegħu. Arthur Said Pullicino kien sinċier… kieku qed nikteb bl-Ingliż kont ngħid li kien sinċier to a fault. Is-sinċerità tiegħu kienet ċara, skjetta u kultant (forsi spiss) kienet tinħass iebsa.

    Ħafna nies jiddeskrivuh b’kelma oħra Ingliża: blunt. Meta jużaw din il-kelma ma jkunux qed jitkellmu dwar l-intelliġenza jew dwar l-umoriżmu tiegħu, għax it-tnejn kienu fini daqs sikkina ta’ kirurgu. Jużaw il-kelma blunt biex jirreferu għall-iskjettezza li biha Arthur kien jgħidlek dak li kellu jgħidlek, mingħajr kantunieri u mingħajr tidwir mal-lewża. Għat-tajjeb jew għall-ħażin, miegħu kont taf fejn int.

    Ċertament li din l-iskjettezza kienet megħjuna mill-karattru dirett tiegħu; imma kienet ukoll megħjuna minn devozzjoni – jekk nista’ nuża din il-kelma – lejn il-verità. Għax il-Mons. Arthur kien jaf u jemmen li anki meta mad-daqqa t’għajn tidher kerha, isbaħ mill-verità m’hemmx.

    U allura, dak li kellu jgħidlek kien jgħidulek. Kliemu kien “Iva, iva, u le, le.” Sa minn dak is-sajf meta bħala seminarista jien kont għamilt esperjenza ta’ xogħol fit-Tribunal taż-żwiġijiet, dejjem hekk nafu. Fejn kellu jfaħħrek kien ifaħħrek, imma fejn kellu jikkoreġik ma kienx se joqgħod lura. Fi tmiem dak is-sajf, lura fis-seminarju, ir-Rettur kien qalli frażi li beżżgħatni bħala bniedem li ma kelli ebda inklinazzjoni lejn il-kamp tal-Liġi Kanonika: “Monsinjur Said Pullicino tefa’ għajnejh fuqek.” Għalkemm ir-Rettur kien żgurani li dan ma kienx ifisser awtomatikament li għad nispiċċa naħdem f’dan il-kamp, eventwalment hekk ġara.

    Sew bħala student, sew bħala Difensur taż-Żwieġ, sew bħala Mħallef u sew bħala suċċessur tiegħu fil-kariga ta’ Vigarju Ġudizzjali, Mons. Arthur baqa’ dejjem sinċier miegħi. Fejn kellu jfaħħar kien ifaħħar bla tlaqliq u bil-libertà kollha, senza interessi; imma fejn kellu jikkoreġi, ma qgħadx lura l-anqas.

    L-ewwel rapport li kont ktibt bħala Difensur taż-Żwieġ, fl-2005, tant kien għoġbu li ħadu biex jurih lill-Arċisqof Mercieca li wkoll bagħatli kummenti pożittivi. Meta ktibt it-tieni rapport naħseb xi ftit jew wisq kienet kibritli rasi: iżżattatt u wasalt għal konklużjoni żbaljata. Ħadt gost, biex ngħid hekk, “nirbaħ l-argument”. Il-Mons. Arthur, bħalma ma kienx qgħad lura milli jfaħħarni fl-ewwel każ, daqshekk ieħor ma qgħadx lura milli jikkritikani fit-tieni wieħed. U dakinhar tani lezzjoni importanti: li x-xogħol tagħna mhuwiex dwar każi li għandhom jintrebħu jew jintilfu, imma dwar membri tal-poplu ta’ Alla li jridu jingħataw risposta dwar il-verità tal-istat tagħhom. Għallimni wkoll li l-verità ma tridx forza; għallimni dwar ir-riskju li jekk wieħed ikun irid jirbaħ l-argument akkost ta’ kollox, jirriskja li jxellef is-sewwa, jew saħansitra jitilfu għal kollox.

    Mhux dejjem qbilna f’kollox jien u l-Mons.: daqqa dwar is-sustanza ta’ kawża, u daqqa dwar il-metodu jew it-ton. Imma dejjem trattani b’rispett u mħabba. U baqa’ sal-aħħar jgħidli dak li għandu jgħidli, mingħajr tidwir jew ħabi. Xi sentejn ilu ma ddejjaqx jgħidli (minkejja li diġà kont qed nokkupa l-kariga ta’ Vigarju Ġudizzjali) li fl-opinjoni tiegħu qed naċċetta wisq safar u li dan jista’ jtellifni mill-ħidma tiegħi. Kellu raġun: kien inzerta perjodu fejn tul medda ta’ ftit xhur kelli nkun nieqes mill-uffiċċju minħabba konferenza, irtir, żewġ pellegrinaġġi u vaganza. Fuq nota iktar leġġera, tul dawn l-aħħar sentejn qatt ma ddejjaq jgħidli li d-daqna tiegħi m’għoġbitux! Fejn dwar is-safar tajtu raġun, dwar id-daqna qbilna li ma naqblux.

    Sinċerità bħal tal-Mons. Arthur hija teżor prezzjuż fil-Knisja, fejn faċilment naqgħu fit-tentazzjoni li ma ngħidux l-affarijiet kif inhuma, għar-rispett uman jew biex ma nxellfux difrejna ma’ sħabna. U allura nippreferu ngħidu l-affarijiet wara dahar dak li jkun; ħalli mbagħad f’wiċċu nidħkulu u qisu qatt ma kien xejn. Monsinjur Said Pullicino le; għax kien sinċier, ma kellux bżonn jaħbi.

    L-aħħar li kellimt lil Mons. Arthur kien f’għeluq sninu, ħmistax ilu. Ma kellix ħjiel li se tkun l-aħħar darba ovvjament. Dakinhar faħħarni għal omelija naqra kontroversjali li kont għamilt fil-jiem ta’ qabel, u dwar sehmi fid-diskussjoni pubblika li segwiet. Ikkonkluda b’dan il-kliem: “Prosit, keep it up.”

    Għalkemm għandi sogħba li minn dakinhar ‘l hawn ma rġajtx kellimtu, għallinqas naf li l-prosit tiegħu kienet sinċiera u ġejja mill-qalb.

    Strieħ fis-sliem, Mons!

    Imut Mons. Arthur Said Pullicino

    Rev. Kan. Brendan M. Gatt huwa Vigarju Ġudizzjali