Minkejja kollox… il-Milied it-Tajjeb!

    “Il-Milied it-Tajjeb!!”; “Awguri għall-Milied Hieni”; “Nixtieqlek minn qalbi Sena mimlija barka u hena”! Frażijiet li huma sinomini ħafna f’dawn iż-żminijiet. Kartolini, posts fuq Facebook, diskorsi u messaġġi… kulħadd bl-istess kantaliena. Iżda xi tħoss dik il-persuna li din is-sena mhux ser ikollha Milied tajjeb u mhux qed timmaġina li sena ġdida ser iġġibilha xi risq speċjali?

    – Dak it-tifel li ma jafx ma’ min ser jgħaddi l-ġurnata tal-Milied għax din is-sena sseparaw missieru u ommu;

    – Dawk l-anzjani li ser jaraw biss lil uliedhom fuq it-tablet minħabba l-miżuri li għaddejjin minnhom bħalissa;

    – Dak ir-raġel li l-lejl tal-aħħar tas-sena ser ikun bħall-iljieli l-oħra f’ċella fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin;

    – Dik l-omm li ma tistax tikkuntenta lil uliedha għax ma servihiex ċ-ċekk tax-xahar minħabba spejjeż oħra li nqalgħu;

    – Dak il-missier li ġejja sena ta’ sfidi kbar minħabba li għadu kemm spiċċa bla xogħol wara li l-kumpanija li kien jaħdem magħha tat is-sensja lil numru ta’ ħaddiema minħabba l-pandemija;

    – Dak iż-żagħżugħ li waqt li familtu ser ikunu miġburin mal-mejda tal-ikel fil-ġurnata tal-Milied, hu ser ikun ma’ sieħbu jiġbed linja droga;

    – Dik it-tfajla li ħa terġa’ tgħaddi sena tibgħat CVs imma taf li għalxejn minħabba li diffiċli li jkollha xogħol stabbli għax għandha problemi ta’ saħħa mentali.

    Persuni għaddejjin minn dawn is-sitwazzjonijiet donnhom mistennija li jagħfsu swiċċ u għal ftit ġranet, dak li għaddejjin minnu jieqaf. Iżda r-realtà hi ferm differenti. Dak li kienu qed jesperjenzaw sa ftit ġranet qabel, ser jibqa’ l-istess. Hi normali wkoll li matul dawn iż-żminijiet is-sens ta’ dwejjaq u solitudni jinħassu ħafna iktar.

    Huma sitwazzjonijiet li donnha t-tama tibda tisfuma fix-xejn; fejn xejn qisu ma jibqa’ jagħmel sens. Kollox jiġi relattiv u l-mistoqsija fundamentali “Għaliex jien?”, tibqa’ mingħajr risposta. U iktar kemm tibqa’ tiffoka fuq dak li għaddej minnu, jista’ jidher jew jinħass iktar il-falliment u jiżdied il-qtigħ il-qalb. Huma bosta li jibku xortihom għax mhux il-Milied u s-Sena l-Ġdida biss ma jistgħux ikunu tajbin imma l-kumplament ta’ ħajjithom kollha.

    Iżda qalb dan il-qtigħ ta’ qalb qed tiġi ċċelebrata twelid ta’ Tarbija… ħajja ġdida. U fejn hemm il-ħajja hemm it-tama. It-tama li mhux neċessarjament li ser jinbidlu l-affarijiet mil-lum għall-għada, iżda li persuna ser tkun kapaċi tiffaċċja u tissaħħaħ meta tkun kapaċi tgħix dawn is-sitwazzjonijiet. It-tama hi filwaqt li tittama għal futur aħjar, tkun kapaċi tgħix il-mument. U dan hu possibbli għax għad hemm il-ħajja. Għalhekk sabiħ li napprezzaw il-ħajja għax dejjem jista’ jkun hemm opportunitajiet ġodda biex persuna tikber u tiżviluppa ħiliet interni biex tkompli taffaċċja sfidi ġodda. Kull jum ġdid hu opportunità biex il-ħajja tkun aħjar. Fil-limitazzjonijiet u d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom nindunaw li mhux dejjem possibbli li nagħmluha waħedna. Ikun hemm bżonn l-għajnuna ta’ ħaddieħor.

    “Paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba”

    ‘Il bogħod minn dak li hu kkumplikat, it-tarbija twieldet f’għar fqir imneżża minn kull kumdità. Tarbija li ssaħħrek bis-sempliċita’ tagħha. Hi xena mill-iktar sempliċi… omm u missier imdawrin ferħanin bil-wild ġdid tagħhom. Li jagħmilhom kuntenti mhux il-ġid u l-għana iżda l-appezzament ta’ dak li għandhom. Grati għal dik it-tarbija li għandhom f’idejhom, jitgħaxxqu biha li donnha qed tnessihom is-saram kollu li ltaqgħu miegħu sakemm waslu hemm. Hi realtà differenti mill-istil ta’ ħajja ta’ ħafna nies. Minkejja l-progress sar biex mingħalina tiżdied il-kumdità, donnha l-ħajja ġiet iktar konfuża. Confucius qal li, “Il-ħajja hi sempliċi imma aħna ninsistu li nagħmluha kkumplikata”. Tabilħaqq jista’ jkun Milied Tajjeb jekk minkejja d-diffikultajiet li għaddejjin minnhom bħalissa, nagħrfu ngħixu u napprezzaw dak li hu sempliċi fil-ħajja. Dak li ma jiswiex flus imma hu prezzjuż fih innifsu.

    “Paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba” Din hi l-għajta li dwiet fl-inħawi mat-twelid tat-Tarbija. Donnha li l-isbaħ aħbar ta’ ferħ li setgħet tingħata kienet il-wasla tal-paċi fuq l-art. L-istess tfittxija li nagħmlu fil-ħajja tagħna … il-paċi fil-qalb. Tista’ tgħid li ħajjitna hi tfittxija waħda … biex niskopru dak li jagħmilna kuntenti. Sfortunatament din it-tfittxija mhux dejjem issir fejn għandha ssir. Ħafna jaħsbu li iktar kemm ikollhom u iktar kemm jakkwistaw, ser ikunu iktar kuntenti. Iżda dan it-tip ta’ ferħ jew kuntentizza hu għal mument għax hu marbut ma’ xi ħaġa li tista’ tispiċċa jew tibdel il-valur tagħha. Iżda meta wieħed ifittex il-paċi interna, tagħraf li din ma tiġix affettwata minn dak li jkun qed jiġri jew minn dak li jkun akkwista. Tinsab ġewwa fik li sfortunatament tkun tgħattiet minħabba sitwazzjonijiet li tkun għaddejt minnhom f’ħajtek.

    Il-Milied jista’ jkun okkażjoni sabiħa imma faċilment nitilfu dak li jkun qed joffrilna. F’ċirkustanzi differenti ħafna kienu dawk li jorganizzaw ċelebrazzjonijiet biex jiltaqgħu grupp ta’ ħbieb, kollegi, membri ta’ familji flimkien. Għalkemm huma okkażjonijiet sbieħ, fl-istess ħin jistgħu jkunu ta’ aljenazzjoni. Din is-sena jista’ jkun li ssibha diffiċli li ma tiltaqax fi gruppi kbar imma jista’ jkun ukoll li ssibha iktar diffiċli li tiltaqa’ waħdek miegħek innifsek.

    Ir-rgħajja ta’ Betlem qalbhom imtliet b’ferħ ġenwin wara l-laqgħa tagħhom mat-Tarbija sempliċi. L-awgurju tiegħi għalik hu li tkun grat għall-affarijiet sempliċi ta’ kuljum, u tfittex vera dak li jagħmlek kuntent … il-paċi tal-qalb li tinsab biss fik. Tibda minn dan il-Milied u tkompli tgħixu fis-sena l-ġdida. Dan hu possibbli minkejja dak li tkun għaddej minnu. Għalhekk int fiex tinsab bħalissa … il-MILIED u s-SENA t-TAJBA!!