Min verament huma tal-Occupy Justice?

    Xtaqt ngħid kelmtejn fuq il-grupp anti-Laburista magħruf bħala tal-“Occupy Justice”. Nibda billi ngħid li kulħadd għandu dritt jikkritika lill-Gvern. Dak fatt. Imma anke hawn hemm ċerti limiti. Dan qed ngħidu għaliex il-maġġoranza kbira tal-poplu Malti xebgħu b’ċerti kummiedji u li jinteressahom huwa l-progress li qed isir fil-pajjiż u l-ġid li qed jinħoloq u li qed igawdi minnu kulħadd.

    Donnu tal-“Occupy Justice” jaħsbu li huma xi eroj u dan għaliex dejjem jipprotestaw kontra l-Gvern Laburista. Bilkemm ma jarawx lilhom infushom qishom xi grupp ta’ reżistenza jiġġieldu għad-demokrazija bħal dawk ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija! – Imma l-verità x’inhi? – Il-verità hi li dawn huma grupp ta’ nies li donnhom ma jistgħux jaċċettaw li l-poplu Malti jrid lill-Gvern Laburista preżenti mmexxi minn Dr Joseph Muscat li jkun fil-poter.

    Hemm bżonn li dawn tal-“Occupy Justice” jifhmu darba għal dejjem li billi joqogħdu jpoġġu rikordji ta’ Daphne Caruana Galizia fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir u jagħmlu l-ħsara lill-isem ta’ Malta u jieħdu gost meta l-Ewropej jaqbdu magħna u jikkritikawna, iktar nies qed jiddardru u jersqu lejn il-Partit Laburista fil-gvern. La semmejt lil Daphne, nagħmilha ċara wkoll li qed nikkritika l-aġir tal-“Occupy Justice” u mhux il-memorja ta’ persuna li nqatlet brutalment.

    Innotaw li kemm ilhom li faqqsu dawn il-gruppi kontra l-Gvern Laburista, il-Gvern immexxi minn Dr Joseph Muscat iktar kompla jżid fl-appoġġ fost il-poplu Malti. U hekk se jibqa’ jsir. – Għax il-poplu progress u ġid fit-trankwillità u l-paċi jrid u mhux kummiedji bħal tat-tfal iż-żgħar tat-tip li qed isiru madwar il-Monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt. U lanqas ma jrid min mhux kapaċi jirbaħ bl-argumenti u allura jmur għand il-“big brothers” ta’ Brussell u Strasburgu biex jgħidilhom jagħtuna xebgħa għax konna mqarbin!

    Is-soċjetà ċivili jixirqilha aħjar.