Min qed isus fuqna fuq l-internet?

    Kemm-il darba tkun se tixtri xi ħaġa minn fuq l-internet u ssib li ma jbiegħux lejn Malta? Minn e-books li ma jkunux disponibbli hawn Malta sa xi video li ssib li ma tistax tara għax ikun ristrett għal xi żona ġeografika partikolari. L-internet, li tant espanda proprju għax kien spazju ta' liberta', qed nindunaw li mhux liberu daqs kemm nistennew.
    Aħna dħalna fl-Unjoni propju għax hija spazju ta' moviment bla fruntieri, speċjalment għall-konsumatur u n-negozju. L-internet huwa pjattaforma unika għal dan speċjalment għal pajjiż bħal Malta li huwa naturalment distakkat mis-suq tal-kontinent. Iżda dak l-internet li jista' joffri opportunitajiet bla qies lin-negozji u lill-konsumatur jidher li qed jiġi maħkum bi prattiċi li jillimitaw il-potenzjali tiegħu u li jpoġġu l-libertajiet tagħna bħala konsumaturi wara dawk ta' ċerta kumpanniji li jisfruttaw l-internet b' mod intelliġenti biex jagħmlu lira tajba.
    Bħalissa fi Brussell hemm diskussjoni taħraq fuq kunċett li ftit nafu bih iżda li ta' min ninfurmaw ruħna dwaru għax jista' jolqotna mingħajr ma nafu. Dan huwa l-kunċett ta' 'net neutrality'. In-net neutrality huwa kunċett li jipotizza li l-internet għandu jkun spazju newtrali li ma jagħtix vantaġġ lil ċerta kumpanniji fuq oħrajn. Dan il-kunċett jista' jkun importanti għalina bħala konsumaturi għax in-nuqqas ta' dik in-newtralita tista' tolqotna direttament.
    Eżempju jekk inti akkwistajt abbonament għal gazzetta online tippretendi li l-kontenut ta' dik il-gazzetta jasal għandek bla xkiel u mhux skont kemm dik il-gazzetta hija favorita jew le mal-kumpannija li tipprovdi s-server tal-internet tiegħek. L-eżempju jista' jidher eżaġerat iżda minn riċerka reċenti li saret jidher li ma huwa eżagerat xejn għax hemm diversi kumpanniji li qed jikkuntrattaw minn wara dahrna b' mod li l-aċċess tagħna fuq l-internet irid jgħaddi mill-għarbiel tal-preferenzi bejn dawn il-kumpanniji.
    U xi ngħidu għall-informazzjoni li nħallu warajna meta nkunu online? Illum kważi kulħadd b’xi mod jew ieħor juża l-internet. Min biex jaqra l-aħbarijiet (jew xi blog bħal dan, kif qed tagħmel int!), min biex jibbukkja xi vjaġġ, min biex joqgħod jissindika fuq Facebook, u mitt ħaġ’oħra. Probabbilment ftit jirrealizzaw kemm inħallu traċċi online: fejn qiegħed, jekk hux qed tuża laptop jew mobile, x’aktarx x’inhuma d-drawwiet tiegħek online…
    Persważ li ġieli tinnota li r-riklami li jipproponulek ħafna drabi jkollhom x’jaqsmu ma’ affarijiet li tkun fittixt fuqhom dan l-aħħar. Jew li jekk tfittex ristorant, il-Google se jgħidlek kif tasal proprju minn fejn tkun qiegħed int dak il-ħin. Dawn kollha servizzi li wara kollox huma komdi. Il-bużillis ikun jekk dik l-informazzjoni tintuża għal affarijiet li inti ma tixtieqx. Per eżempju li tingħadda lil ħaddieħor għal fini kummerċjali.
    B’dawn u b’ħafna eżempji oħrajn bħalhom malajr tinduna li fuq l-internet mhux faċli jinstab il-bilanċ bejn l-innovazzjoni u l-ħarsien ta’ min juża l-bosta servizzi utli li jinbtu grazzi għall-internet. Ċertament ma rridux li r-regolamenti u l-liġijiet joħonqu l-iżvilupp u l-potenzjal ta’ tant użi bis-sens tal-internet. Mill-banda l-oħra naħseb li kulħadd jixtieq li jkun rajh f’idejh meta jkun quddiem il-kompjuter jew il-mobile. Ħalli tagħti l-kunsens tiegħek għal ċerti affarijiet…basta tkun taf x’inti tagħmel.
    Ir-rwol ta’ min jieħu d-deċiżjonijiet f’dan il-qasam mhux wieħed faċli. Pajjiż waħdu ma tantx jista’ jkun effettiv biex jirregola dawn l-affarijiet, proprju għaliex imorru lilhinn mill-fruntieri. Huwa għalhekk li l-UE qiegħda tipproponi numru ta’ proposti f’dan ir-rigward. Proposti li jiġu quddiem l-MEPs li jirrappreżentawna biex jiskrutinawhom.
    Sabiex ninfurmaw dwar dawn il-kwistjonijiet u nitħaddtu direttament ma dawk li qed jieħdu d-deċiżjonijiet għalina fi Brussell, l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew qed jorganizza konferenza fl-20 ta' Novembru bit-titolu: Is being Digital Risky Business? Ser ikollna magħna esperti internazzjonali fil-qasam kif ukoll lill-MEPs Therese Comodini Cachia, Roberta Metsola u Alfred Sant. Jekk jinteressak ingħaqad magħna billi tirriserva post fis-sit www.digitalawarenessmalta.com jew ċempel 21235075.

    Dr. Peter Agius
    Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew