Michelle Muscat: Tagħmel tant ġid u xorta jikkritikawha!

    Xi ħaġa li ddejjaqni fil-politika hija dik li hawn min jaqa’ fil-livell baxx li biex jattakka xi personalità politika, jagħmel dan mhux direttament imma indirettament billi jikkritika xi ħadd viċin tal-politiku. L-agħar meta l-kritika tkun indirizzata lejn il-mara jew it-tfal tal-politiku u tkun bla ebda bażi ta’ xejn.

    Każ tipiku huwa dak tal-mara tal-Prim Ministru, is-Sinjura Michelle Muscat. Is-Sinjura Muscat tispikka fir-rwol tagħha bħala l-mara tal-Prim Ministru billi tiddedika ħafna ħin għax-xogħol filantropiku, l-aktar permezz tal-Fondazzjoni Marigold li tagħha hija ċ-Chairperson.

    Tant huwa pożittiv u altruwistiku x-xogħol li twettaq is-Sinjura Muscat li fl-2017 mhux biss ingħatat il-premju “Voluntier Nazzjonali tas-Sena” mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat imma anke ġiet onorata fuq livell internazzjonali mill-NGOCelebrating Women International” għax-xogħol tagħha fil-politika u l-filantropija. Barra minn hekk, kulmin jafha, jaf ukoll kemm is-Sinjura Muscat hija mara dħulija u mhix imkabbra.

    Sfortunatament, dan kollu ma jfisser xejn għal ċerti nies li jħallu l-politika partiġġjana u anke l-għira tagħmihom. Kellna l-każ serju tal-Egrant li tant ħoloq inkwiet mhux biss għas-Sinjura Muscat u l-familja tagħha imma anke għall-pajjiż kollu. Regolarment ukoll, naraw ħafna kritika fuq livell personali u bla sens u bla bażi indirizzata lejn is-Sinjura Muscat u l-familja tagħha. Dan kollu sempliċement għaliex hija l-mara tal-Prim Ministru.

    Jekk is-Sinjura Muscat tagħmel xi kumment politiku, wieħed jista’ jikkritikah jekk hekk jidhirlu. Imma mhux indaħħlu fin-nofs affarijiet personali oħra! – Hemm bżonn li l-politika titnaddaf darba għal dejjem minn dan il-livell baxx li ċerti nies waqgħu fih.

    Persuna li tagħmel il-ġid lill-oħrajn, ħalluha tkompli, mhux ittelfuha b’ħafna diskors fil-vojt!