Meta tobżoq fis-sema u jiġi f’wiċċek…

    Din il-ġimgħa stgħaġibt mhux ftit meta ma rajtx Nazzjonalisti jimmarċjaw fit-toroq tal-Kapitali… tgħiduli x’int tgħid? Niffriskalkom daqsxejn il-memorja (memorja illi jidher illi l-Partit Nazzjonalista jbati daqsxejn minnha), ftit tax-xhur ilu l-midja lokali kienet qed tirrapporta dimostrazzjoni Nazzjonali favur il-libertà tal-espressjoni ta’ Daphne Caruana Galizia. Protesta illi saret wara li ġie intavolat kontriha libell kriminali wara li vvintat u ħarrfet bl-aktar mod sfaċċat fuq id-deputat Mexxej Laburista Chris Cardona. Ħarġu fit-toroq jiġġieldu favur il-libertà tal-espressjoni u qabblu lill-Gvern Malti ma’ dak taċ-Ċina u l-Korea ta’ Fuq għaliex fi kliemhom konna qed nimminaw il-libertà tal-espressjoni.
    Il-Partit Nazzjonalista saħansitra bena l-kampanja elettorali tiegħu fuq l-istejjer ta’ din il-blogger isterika u deputati tiegħu, inkluż il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, kienu ħaduha drawwa jxejru u jikkwotaw l-artikli moqżieża tagħha fil-Parlament u jgħajtu presser wara l-oħra sabiex imexxu ‘l quddiem l-affarijiet mhux veri illi kienet tgħid.
    Però l-Malti jgħid li minn jobżoq fis-sema jiġi f’wiċċu u l-magna tal-ħdura illi kienu ilhom tant jisquha b’pubbliċità u attenzjoni, illum bdiet tigdem lil uħud minnhom. Issa Daphne Caruana Galizia ma baqgħetx l-eroj u l-mibgħuta mis-sema għan-Nazzjonalisti, issa saret theddida għal uħud minnhom, għaliex bdiet tigdimhom fil-laħam il-ħaj. Issa din il-blogger saret perikoluża, issa bdew jiftħulha l-libelli u bdew jgħidu li kienet kaġun ewlieni tat-telfiet kolossali li ġarrab il-Partit Nazzjonalista.
    Issa bdew jgħidulna li l-velenu illi ilha tobżoq snin twal sar ħażin, iżda dan sar ħażin biss għaliex issa bdew jiġu attakkati t-tfal innoċenti tal-esponenti tal-Partit Nazzjonalista. Insew li din l-istess blogger ilha tkisser u tintimida għal snin twal tant tfal u familjari innoċenti ta’ tant esponenti Laburisti. Però matul dawk is-snin qatt ma lissnu nofs ta’ kelma ta’ kundanna, qatt ma tellgħu tweets sabiex jikkundannawha, anzi ħafna minnhom kienu jogħxew jixxerjaw il-kitbiet malizzjuzi tagħha fuq il-midja soċjali.
    Issa għan-Nazzjonalisti m’għadux tajjeb u ġust illi tippubblika stejjer mingħajr provi dwar kontijiet sigrieti, issa sar ħażin dan kollu għaliex bdew jattakkaw wieħed minnhom. Insew illi bnew kampanja sħiħa fuq storja simili dwar kont immaġinarju illi vvintat illi għandha mart il-Prim Ministru. Issa Adrian Delia sar vittma, ara Michelle Muscat kienet ħatja, ara lil Joseph Muscat riedu jitfgħuh il-ħabs u lil uliedu riedu jwaddbuhom f’orfanatrofju!
    Jekk il-Partit Nazzjonalista jaħseb illi kulħadd ibati minn memorja qasira bħalma jbatu huma sejrin żbaljati bil-kbir. Deni fuq għajri ma nixtieq qatt, però llum wara li qed itiegħmu ftit mill-velenu u l-odju illi użaw għal tant snin sabiex jattakkaw lill ħaddieħor, forsi, issa fl-aħħar se jintebħu kemm hija perikoluża, kerha u inġusta l-politika illi għoxew jużaw u jiddefendu b’ mod mill-aktar apert għal tant snin.
    Post il-ħdura u l-attakki personali fil-politika mhux biss ilu li spiċċa, iżda lanqas qatt kellu jsib postu fis-soċjetà tagħna. Huwa tajjeb illi wieħed jiddibatti u jikkritika lill-avversarju politiku tiegħu, iżda m’għandna qatt naslu sabiex inżeffnu l-familjari tal-politiċi fin-nofs jew noħolqu skoss kliem b'ieħor biex nippruvaw inħassru lil ħaddieħor minn wiċċ id-dinja. Sakemm il-Partit Nazzjonalista mhux se jiddistakka ruħu għal kollox minn din it-tip ta’ politika, il-bankijiet tal-Oppożizzjoni se jkollu jdum isaħħanhom għal snin twal!
    Dr Alex Saliba
    Attivist Laburista li kien il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti