Meta l-libertà hi mhedda, hemm il-ħtieġa tal-għaqda

    Jiġu mumenti fil-ħajja fejn tant jkunu qed jiġru affarijiet madwarek li faċilment tinġarr mal-kurrent ta’ dak li jkun għaddej. Dawn l-aħħar jiem jistgħu faċilment jiġu deskritti bħala jiem li fihom komplejt nara d-dinja tinbidel.
    F’mument qed nitkellmu dwar l-effettivita’ tal-Valletta Summit. Inqas minn 24 siegħa wara bdejna nagħtu xhieda għal att terroristiku ġewwa Pariġi li ħasad il-ħajja ta’ aktar minn 128 persuna. 24 siegħa wara Malta sebħet b’dik li setgħet kienet traġedja fatali, u l-fatt li ma’ kien hemm ebda fatalita’ ma jnaqqas xejn mis-serjetà tagħha.
    Għal mument ħa niffoka fuq dak li ġara Pariġi. Attakk koordinat, minn grupp ta’ nies li f’attakk premeditat it-terroriżżaw belt u qatlu 128 persuna li l-uniku ‘tort’ li kellhom kien dak li inzertaw li għażlu li jiddevertu fil-post fejn it-terroristi attakkaw. Sirna nafu wkoll li l-hekk msejjaħ Stat Iżlamiku ħa r-responsabilta’ ta’ dan l-attakk, bħal ma ħa r-responsabilita ta’ attakk li kien hemm f’ Bejrut. Sirna nafu wkoll li t-twaqqiegħ ta’ ajruplan Russu fuq l-Eġittu kien kawża ta’ materjal splussiv li kien hemm fuq l-ajruplan u wkoll huwa marbut ma’ dak li qed jiġri fis-Sirja.
    Rajna kapijiet ta’ Stati jiltaqħu u jevalwaw dak li ġara minn perspettiva aktar wiesgħa.
    Smajna lil Papa jirrepeti l-fatt li dak li qed naraw huwa parti minn dik li għal aktar minn darba sejjaħ it-Tielet Gwerra Dinija. Qrajna fuq ir-rejazzjonijiet tad-Dinja għal dak li ġara.
    Pero fuq kollox rajna r-reazzjoni tan-nies.
    Hemm ix-xewqa u r-rieda li l-ħażen ma jirbaħx. Hemm it-tama li s-sewwa jirbaħ. Hemm it-tama li l-paċi u r-raġuni tipprevali. Hemm l-appell biex ma’ naqgħux għall-elf nassa li dawn il-ġrajjiet jistgħu jwaqqawna fihom. Fuq kollox hemm sejħa biex ma’ nċedux għall-pressjoni ta’ biża, u nibqgħu ngħixu ħajjitna.
    Pero ma’ tistgħax tiċhad il-fatt li dak li ġara f’ Pariġi bidel l-mod kif nħarsu lejn l-affarijiet. Il-liberta ġiet mhedda, ġiet attakata u sfat vittma. Bħal kelb mismut, kull ilma qed jiġi kkunsidrat bħala misħun, għax le mhux kollox xorta.
    Irridu jew ma rridux, ninsabu fi stat ta’ Gwerra. Il-Gwerra li qed ngħaddu minna mhujiex ta’ nazzjon kontra ieħor, imma ta’ min irid jeqred l-ispirtu tal-liberta fuq naħa u l-kumplament tad-dinja fuq in-naħa l-oħra.
    Forsi qed inkun sempliċi ħafna fl-analiżi tiegħi. Pero mingħajr dubju qed ngħixu fi żmien fejn dak li ngħozzu tant, il-liberta hija mhedda.
    Fiċ-ċirkostanzi ir-responsabilta’ ssejjaħ għal azzjoni konkreta li tipprovdi serħan il-moħħ. Fi żmien kkaratteriżżat minn pressjoni fuq dak kollu li huwa jissodisfa l-esiġenzi individwali qed nirrejaliżżaw li ma’ nistgħux ninjoraw li l-Liberta’ hija ta’ kulħadd b’mod kollettiv. Possibilment tista’ titqies li qed nitkellmu dwar paradoss, imma f’ġirja sfrenata ta’ individwaliżmu (kemm personali jew statali) qed ninjoraw dak li jikkostitwixxi il-pern li fuqu huwa mibni il-ġid komuni, il-Liberta’.
    Din mhix kwistjoni ta’ idejoloġija jew oħra, ta’ partit jew ieħor jew ta’ pajjiż u mhux ieħor.
    Hemm ħtieġa ta’ sforz kollettiv f’gieħ dak li hu sewwa, f’gieħ il-liberta; il-qofol tal-ġid komuni.