Mela taħdem iż-żewġ terzi?

    Ilbieraħ filgħaxija l-Parlament ħatar Prim Imħallef ġdid, l-Imħallef Mark Chetcuti. L-għażla tal-Prim Imħallef il-ġdid saret b’mozzjoni li tressqet mill-Prim Ministru Robert Abela u mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia flimkien. Dan wara li ż-żewġ naħat tal-Kamra qablu dwar il-persuna kif ukoll dwar il-mod kif l-Imħallfin, inkluż il-Prim Imħallef, u l-Maġistrati għandhom jibdew jinħatru fis-snin li ġejjin.

    Il-mozzjoni għaddiet mill-Parlament mingħajr ħadd ma vvota kontra. Dan ifisser li vvotaw favur din il-mozzjoni aktar minn żewġ terzi tal-Membri Parlamentari.

    Dan kien pass ’il quddiem f’sistema fejn l-għażla tal-Prim Imħallef dejjem kienet f’idejn il-Prim Ministru waħdu.

    Inzerta li lbieraħ il-Parlament approva wkoll bidla fil-liġi dwar il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija. Kulma nbidel fil-liġi huwa li se ssir sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet. Minn fost dawk li japplikaw se jintagħżlu żewġ persuni mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li l-maġġoranza tal-membri tagħha huma magħżulin mill-Prim Ministru. L-għażla finali tal-persuna mbagħad issir mill-Prim Ministru. Dan wara li din il-persuna tidher quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar il-Ħatriet Pubbliċi li l-maġġoranza tal-membri tiegħu huma wkoll min-naħa tal-Gvern. Fil-qosor, l-għażla ta’ min se jkun Kummissarju tal-Pulizija kienet u se tibqa’ f’idejn il-Prim Ministru.

    Meta din il-liġi kienet qed tkun diskussa fil-Kumitat dwar l-Abbozzi tal-Liġijiet, Beppe Fenech Adami u jiena ressaqna emendi biex l-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija tibda ssir bil-vot ta’ mhux anqas minn żewġ terzi tal-Membri Parlamentari. Il-Membri Parlamentari min-naħa tal-Gvern m’aċċettawx dawn l-emendi u vvotaw kontrihom waqt li argumentaw li dis-sistema ta’ żewġ terzi ma taħdimx.

    Dan l-argument tal-Gvern ma jagħmilx sens u lanqas għandu mis-sewwa.

    L-istorja riċenti ta’ pajjiżna turina li l-għażliet kollha li saru bis-sistema tal-vot ta’ żewġ terzi tal-Parlament kollha taw riżultat pożittiv. Sal-lum il-Parlament diġà huwa fdat biex jagħżel l-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali, id-Deputat Awditur Ġenerali u l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

    Matul l-aħħar ħdax-il sena l-Parlament ħatar tliet Presidenti tar-Repubblika bil-vot ta’ aktar minn żewġ terzi tal-Kamra: George Abela fl-2009, Marie Louise Colerio Preca fl-2014 u George Vella fl-2019.

    Issa l-Parlament għadu kemm għażel Prim Imħallef ġdid bil-vot ta’ aktar minn żewġ terzi tal-Kamra.

    Mela taħdem is-sistema taż-żewġ terzi?