Mayday, Mayday, Mayday

    Il-kelma Mayday normalment tintuża fit-tbaħħir jew fl-avjazzjoni u meta kaptan ta’ vapur jew pilota ta’ ajruplan isejjaħha tliet darbiet wara xulxin, dan ikun ifisser li dak il-bastiment jew ajruplan qiegħed f’periklu serju u hemm periklu u riskju għal ħajjiet li hemm fuqu. Sfortunatament il-Mayday bħalissa qiegħda fil-ħluq ta’ ħafna.

    L-għajta ta’ diversi pajjiżi

    Ħafna pajjiżi bħalissa jinsabu f’sitwazzjoni li jgħajtu Mayday u ma jiqfux. Kawża tal-Covid-19, xi pajjiżi bl-ekonomiji tagħhom b’kollox, spiċċaw messew il-qiegħ. Pajjiżi ġirien bħall-Italja u Spanja laqqtu daqqa ta’ ħarta kbira minn dan il-virus. Apparti l-mard u l-imwiet li kkawża dan il-virus simili għall-bqija tal-pajjiżi kollha tad-dinja, dawn il-pajjiżi li diġà kellhom ekonomija mherrija, kellhom iwaqqfu għal kollox in-negozju u l-ekonomiji tagħhom b’mod illi wieħed faċilment jista’ jgħid li wara li tgħaddi din il-kriżi se jkunu f’sitwazzjoni fejn qishom ħarġu minn wara xi gwerra u jridu jibdew mill-ġdid. Nemmen li pajjiżi bħall-Italja jridu numru ta’ snin biex jerġgħu jsibu saqajhom.Fejn jidħol mard hemm pajjiżi li ntlaqtu agħar minn pajjiżi oħra u li s-sitwazzjoni tagħhom hi mwiegħra sew. Hekk pereżempju l-Amerika li f’xi stati bħal New York uriet kemm fil-verità hi bla forza quddiem marda, dan minkejja li tippretendi li hi l-forza tad-dinja. U tistgħaġeb tisma’ dikjarazzjonijiet mill-President Donald Trump, li probabbli biex ikun populista mingħajr ma ħaseb ħafna fuq li qed jgħid, iddikjara li jrid inaqqas ir-restrizzjonijiet fil-pajjiż intiżi biex inaqqsu t-tixrid tal-marda.Fejn jidħol kemm il-mard kif ukoll l-ekonomiji, pajjiżi Ewropej għajtu Mayday iżda l-Unjoni Ewropea li setgħet tagħti dak in-nifs tas-salvataġġ, tat nifs imqanżaħ, inkomplet jew addiritura ineżistenti.

    L-għajta ta’ Malta

    Malta wkoll qed issejjaħ Mayday. Is-sikkina laħqet l-għadma wkoll f’pajjiżna. Għalkemm sa issa l-mard forsi għadu ma kabarniex daqs pajjiżi oħra, xorta waħda ma nistgħux nerfgħu rasna. L-għadu qiegħed ma saqajna u għalhekk bħal pajjiżi oħra ma rridux intuh ir-ruħ fejn jixxettel. Dan irriżulta f’restrizzjonijiet diversi: ħwienet magħluqin; uffiċini magħluqin; qrati magħluqin; knejjes magħluqin; u nies magħluqin id-dar. L-ekonomija Maltija li dan l-aħħar snin kienet qed tiffjorixxi waqfet soptu. Is-suq tal-kera li qabel kien qed iħabbel moħħ il-gvern biex jikkontrollah, waqaf soptu wkoll, u min irid joħroġ mill-kirjiet, min irid jibqa’ fil-kirja bla ma jħallas u min irid kirja ridotta. Kulħadd jokrob u ma tagħti tort lil ħadd. Il-gvern rinfaċċat b’din is-sitwazzjoni kellu jdaħħal mhux biss idu fil-but iżda kif jgħid il-Malti jaqla’ l-flus ta’ taħt il-maduma.Konvint li l-Gvern biex jiġgieled il-marda u sabiex jgħin lil individwi li spiċċaw b’idejhom fuq żaqqhom, żvojtha r-riservi tiegħu waħda sew. U hawn inħossni fid-dmir li nfaħħar lill-Gvern Malti li kien bilgħaqal u matul is-snin issoda r-riservi finanzjarji tiegħu għal meta nqala’ l-għawġ, u fejn pajjiżi ferm akbar minnu u ferm sinjuri aktar minnu għax anke għandhom riservi taż-żejt talbu l-għajnuna tal-Fond Monetarju Internazzjonali biex jislifhom il-flus, il-Gvern Malti kien kapaċi fil-maġġor parti jerfa’ l-piż waħdu. Iżda hawn irrid nagħmel parentesi u appell lill-Gvern Malti li minkejja li ħaseb f’ħafna nies kien diskriminatorju u ħalla mhux indirizzati adegwatament settur ieħor tal-ħaddiema fosthom professjonisti li wkoll spiċċaw ħażin kawża tas-sitwazzjoni Covid.

    L-għajta tal-individwi

    Ħafna individwi privati wkoll jinsabu f’sitwazzjoni miskina. Nies li spiċċaw bla impjieg u jridu jgħajxu familja; negozjanti li spiċċaw bin-negozju tagħhom magħluq; professjonisti bħal avukati li spiċċaw bil-qrati u l-uffiċini tagħhom magħluqa, nies li spiċċaw magħluqa fi djarhom forsi anke waħedhom; u nies li żdidilhom ix-xogħol bħal ħaddiema fis-settur mediku u li spiċċaw kellhom jitbiegħdu mill-għeżież tagħhom. Dawn, flimkien ma’ dawk morda kollha qed jgħajtu Mayday. Il-problema hi biss li ftit li xejn hemm min jista’ jiġi jsalvahom! Prattikament, ma tista’ tagħmel xejn.

    L-għajta tal-Afrikani f’nofs ta’ baħar

    Iċ-ċirasa fuq il-kejk kemm għall-Italja kif ukoll għal Malta kienet il-miġja ta’ aktar dgħajjes ta’ Afrikani, jitolbu għall-għajnuna għax se jegħrqu, u bir-radjijiet li jipprovdulhom it-traffikanti jgħajtu Mayday, Mayday, Mayday. Malta u l-Italja huma tnejn mill-aktar pajjiżi milquta mill-immigrazzjoni illegali fil-Mediterran. L-Unjoni Ewropea dejjem baqgħet b’idejha fuq żaqqha quddiem din il-problema u aktar minn paroli, ftit li xejn uriet azzjoni fis-sustanza. Is-sitwazzjoni tagħna bħalissa hija waħda delikata u taqbel jew ma taqbilx magħha Malta ma tistax terfa’ aktar piż ta’ Afrikani f’din is-sitwazzjoni, bir-riskju ta’ importazzjoni ta’ mard u ta’ aktar piż finanzjarju.Il-qawl jgħid li mejjet ma jerfax ieħor, u dan japplika għalina fiċ-ċirkostanzi preżenti. Jagħmel hażin min jipprova jieħu vantaġġ politiku minn ħaġa bħal din. Jiddispjaċini nara min għal gwadann politiku jisfrutta sitwazzjoni bħal din li ċertament hi ta’ wġigħ ta’ ras għal kulħadd. Ċert li din mhix xi xalata għall-Gvern Malti. U mhix ta’ ġieħ, għal min għamilha, l-azzjoni li ttieħdet li jsir rapport mal-pulizija biex tinfetaħ investigazzjoni għal qtil voluntarju mill-Prim Ministru u mill-Forzi Armati meta dawn ma ħallewx dgħajjes ta’ Afrikani jiżbarkaw f’pajjiżna. Fi kważi 23 sena li ili avukat rajt ħafna azzjonijiet anke minn avukati kollegi meqjusa fost il-bravi, li huma azzjonijiet imġebbda u li ma tantx jagħmlu sens. Din it-talba lill-Pulizija biex tinvestiga lill-Prim Ministru b’dan il-mod hi ċertament waħda minnhom.