​Malta l-ewwel u qabel kollox…dejjem!

    Ħassejt weġgħa f’qalbi nisma’ Maltin bħali jżebilħu isem pajjiżhom. Ħassejt rabja liema bħala nara l-ħarsa ta’ sodisfazzjon fuq wiċċ l-ewro-parlamentari Nazzjonalisti meta l-għażiża Malta tagħna inġustament ġiet imsawta u saħansitra kkumparata ma’ Narcos, serje’ televiżiva ambjentata fil-Kolumbja ta’ żmien Pablo Escobar fejn l-omiċidji u t-traffikar tad-droga kienu l-ordni tal-ġurnata.
    Dan ma kienx attakk ikkordinat kontra Joseph Muscat jew il-Partit Laburista, dan kien attakk fuq il-ħobża ta’ kuljum ta’ tant ħaddiema Maltin u Għawdxin, dan kien attakk dirett fuq l-impjieg ta’ diversi żgħażagħ illi jaħdmu fis-servizzi finanzjarji, dan kien attakk fuqna lkoll. Din ma kinetx l-ewwel okażjoni fejn pajjiżna prova jiġi umiljat minn Nazzjonalisti, rajna x-xenati illi għamlu fil-Parlament Ewropew 3 snin u nofs ilu meta l-ewro-parlamentari Nazzjonalisti fetħu l-kanuni fuq l-iskema ta’ ċittaddinanza b’investiment. Skema illi kif ikkonferma wkoll l-ewwel viċi-president tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans tintuża minn diversi stati membri oħra fejn qed joffru residenza permanenti lill minn jinvesti f’pajjiżhom. Imma le, għan-Nazzjonalisti dak illi huwa tajjeb u ġust għall-Awstrijaċi, Franċiżi u Ġermaniżi għandu jkun illegali f’pajjiżna!
    Ma nistgħux ninsew lanqas il-ħdura li beżqu f’wiċċ Maltin bħalhom meta għamlu minn kollox sabiex jumiljaw u jgħaddu vot negattiv fil-konfront ta’ Toni Abela u Leo Brincat sabiex jinħatru bħala rappreżentanti Maltin fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri. Tkażaw bl-odju illi għandhom lejn art twelidhom mhux biss il-Maltin iżda anka sħabhom l-ewro-parlamentari barranin illi ma setgħux jifhmu kif l-ewro parlamentari Nazzjonalisti ma ddejqu xejn jiddefendu lill Unġerija fl-istess waqt illi kienu qed iħażżu riżoluzzjoni inġusta, kattiva u odjuża kontra pajjiżhom.
    It-Tlieta illi għadda rajna il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u kif wkoll il-Kummissjoni Ewropea illi fl-interventi tagħhom qalu mingħajr ebda tlaqlieq illi f’Malta is-saltna tad-dritt hija waħda b’ saħħitha. Qalu illi din ir-riżoluzzjoni kienet logħba politika u inġusta kontra Malta. Qalu illi l-Gvern Malti dejjem u f’kull ħin ikkopera mal-Kummissjoni Ewropea u li ma kienx jixraq illi pajjiżna jiġi kkumparat mad-defiċjenżi demokratiċi illi qed jaffaċjaw il-Polonja u l-Ungerija.
    Għorku jdejqhom l-ewro parlamentari barranin illi dejjem ħarsu b’għejra lejn pajjiżna u qatt ma setgħu jifhmu kif pajjiż ċkejken bħal tagħna irnexxielu jżomm sod reġim fiskali illi filwaqt illi huwa konformi ma’ kull liġi ewropea, fl-istess ħin huwa wieħed ferm u ferm aktar vantaġġjuż u atraenti minn reġimi fiskali bħal dawk ta’ pajjiżi ferm akbar minnha bħal dak Ġermaniż u Franciż. Mhux ta’ bxejn meta kkumparat mal-prodott gross-domestiku pajjiżna għandu s-suq tas-servizzi finanzjarji tiegħu erba darbiet akbar minn dak tal-medja ewropea! X’ma jivvutawx bil-qalb biex ikissrulna r-reġim fiskali tagħna l-ewro parlamentari Franċiżi u Germaniżi! Imma sadanittant Metsola, Casa u Zammit Dimech kienu qed iħossuhom sodisfatti illi s-sejf nifduh sa ġewwa u Muscat u l-Gvern Laburista sfaw umiljati quddiem sħabna l-Ewropej. Evviva n-Nazzjonaliżmu ta’ Nerik u Fortunat Mizzi!
    Il-poplu Malti m’għandu qatt jinsa ż-żelu u l-kuraġġ illi bih Miriam Dalli, Alfred Sant u Marlene Mizzi tkellmu favur isem pajjiżna. Il-poplu Malti m’għandu qatt jinsa t-tixwix kontra pajjiżna ta’ Casa, Metsola u Zammit Dimech. Fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew illi jmiss il-poplu Malti u Għawdxi għandu jwieżen sewwa min kien fuq in-naħa tal-interess kolletiv Malti u minn ħadem kontra isem pajjiżu. Viva Malta dejjem, mhux biss mill-Gvern imma anke meta nkunu fl-Oppożiżżjoni. Kburi illi l-Partit Laburista il-kelma “demokrazija” ma jagħwwiġiex bħal biċċa plasticine hekk kif jaqbel lilu, aħna l-messaġġ demokratiku illi jagħti l-poplu dejjem għarafna nirrispetawh. Meta l-poplu tefagħna f’Oppożizzjoni twila qatt ma xerridna ħdura kontra Malta u ħutna l-Maltin. Lil Malta ġibniha l-ewwel u qabel kollox dejjem! 
    Dr Alex Saliba huwa attivist Laburista li kien il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti.