Malta-Diċembru 2019 – Kevin Mompalao

    Miguela Xuereb

    Diċembru 2019 se jkun wieħed li jibqa’ mniżżel fl-istorja ta’ pajjiżna. Żgur li mhux għax għexna l-Avvent u l-Milied kif forsi għandna ngħixuhom, iżda għal affarijiet li jistgħu jintitolaw lil dan ix-xahar bħala Diċembru l-iswed.

    Mhux se nidħol f’repetizzjonijiet u narrazzjonijiet dettaljati ta’ x’ġara u ma ġarax; dawk kulħadd jafhom, u saħansitra nazzarda ngħid kulħadd iddejjaq u ddardar bihom. Dan Diċembru ra l-waqgħa tal-imperu ta’ Joseph Muscat. Imperu li tant deher glorjuż u li ma jistax jintrebaħ (invictus) iżda li minkejja kollox krolla bħal ħafna imperi aqwa minnu, mhux biss fl-istorja Maltija iżda fl-istorja tad-dinja. L-imperu ta’ Muscat beda tajjeb u attira l-imħabba tan-nies, iżda f’Diċembru ta’ din is-sena rajt illi dan l-imperu spiċċa bħal dik il-ħawħa li għalkemm minbarra kienet sabiħa, meta maqsuma kellha t-taħsir u d-dud mal-għadma.

    Personalment dejjem emmint illi Joseph Muscat huwa statista kbir, iżda anke jekk wieħed jagħti l-benefiċcju tad-dubju u jikkonċedi illi Joseph Muscat ma kienx jaf x’inhu qed jiġri madwaru, dan ma jirrefletti xejn tajjeb fuqu bħalma lanqas ma jirrifletti tajjeb illi minkejja li għal numru ta’ snin kellu t-twissija miktuba fuq il-ħajt, xorta ħalla lilu nnifsu jiddawwar minn ċerta nies li l-intenzjonijiet tagħhom anke fid-deher ma kinux jidhru daqstant ġenwini.

    F’dawn iċ-ċirkostanzi l-ġid li sar fil-passat jiswa suf. Mhux ġustifikat dak il-missier li minkejja li jagħti flus kbar lil ibnu, meta fettillu daħal fil-kamra ta’ ibnu u seraqlu €10. Il-ġid li jkun għamel dak il-missier ukoll jiswa suf.

    Kif seħħew l-affarijiet, Diċembru kien xahar li weġġa’ ħafna nies. Weġġa’ mhux biss lil-Laburisti iżda wkoll lil dawn li verament iħobbu pajjiżhom u lil hinn minn kull partiġġjaniżmu kienu kuntenti u kellhom għal qalbhom il-ġid tal-pajjiż. Ħafna baqgħu mbellħa u lanqas jistgħu jemmnu l-iżviluppi li bdejna jisimgħu jum wara l-ieħor.

    Issa Joseph Muscat ħabbar ir-riżenja tiegħu. Għalija u għall-pajjiż jirriżenjax issa jew f’nofs Jannar, m’għandha tagħmel l-ebda differenza. Jirriżenja llum u tliet ġimgħat oħra la hi se ġġib lill-pajjiż ’il quddiem u lanqas tieħdu lura. Il-pound of flesh qatt ma saħħnet xejn.

    Il-PM iħabbar li se jirriżenja f’Jannar

    Wieħed irid issa jara li dak li temgħana Diċembru jħalli xi ftit tal-frott. Dan il-frott irid joħroġ minn min se jieħu s-siġġu l-kbir mhux biss tal-Partit Laburista iżda tal-Berġa ta’ Kastilja. Irid issa jkollna Prim Ministru li jkun purtinar tajjeb u li jkun kapaċi jnaddaf. Irid inaddaf l-ewwel nett isem Malta fl-isfera internazzjonali, u t-tieni nett inaddaf lil Gvern Malti internament f’pajjiżu stess. Biex isir dan il-Prim Ministru l-ġdid irid ikun matur u għaqli biex jagħraf fejn hu l-ħmieġ u jkun kapaċi jsib u jaqta’ l-irjus il-ħżiena. Irid jekk hemm bżonn ikun kapaċi jħott kastija u jerġa’ jibniha fi tlett ijiem. Ma jistax ikollna kontinwità tal-gvern ta’ qabel li issa huwa gvern b’timbru aħmar (aktar mill-aħmar tal-partit).

    Apparti mill-ħmieġ li ħareġ f’Diċembru 2019 il-prim ministru l-ġdid irid ikun kapaċi jnaddaf ħmieġ ieħor li ilu jakkumula f’diversi ministeri għal tul ta’ żmien u dan billi jagħmel ir-reshuffles meħtieġa. Ma jridx jinsa li l-ilma qiegħed li ma jiċċaqlaqx, irabbi r-riħa u n-nemus. Għalhekk għandna bżonn Prim Ministru li jkun il-kap hu, mingħajr biża’ jew theddid minn ħadd u li jkun kapaċi jċaqlaq l-ilma.

    Nieħu din l-okkażjoni biex nawgura lill-qarrejja kollha Milied imbierek u sena ġdida mimlija paċi.