Malta 2020 – Amministrazzjoni lil hemm mill-pandemija

    Photo: Miguela Xuereb

    Kull mibdi mitmum. Ftit jiem oħra u s-sena 2020 tkun biss parti mill-istorja ta’ ħajjitna. Sena li forsi se tibqa’ mnaqqxa aktar minn snin oħra fil-memorji tagħna minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19. Mhux l-intenzjoni tiegħi li llum nikteb fuq il-pandemija. Ċert li kulħadd xeba’ jaqra dwarha, ċert li kulħadd tkellem dwarha qisu l-aqwa espert tal-pandemiji, ċert li kulħadd gerger u qered, ċert li kulħadd xeba’ bil-maskra, ċert li kulħadd ħakk rasu għax il-pandemija b’xi mod ieħor messitlu l-but. Però ċert ukoll illi kulħadd kellu japprezza li minn din is-sitwazzjoni kellna ħafna x’nitgħallmu, u għal min iħaddem moħħu kien żmien perfett, speċjalment fix-xhur tal-bidu, biex wieħed jidħol daħla ġo qoxortu u jirrealizza li hemm bżonn illi fil-ġirja tal-ħajja għandna bżonn inkunu aktar silettivi, speċjalment f’dawk li huma valuri u prijoritajiet. Dwar il-pandemija se nieqaf hawn u ngħaddi għall-aspetti l-oħra li naqqxu l-istorja tas-sena 2020 f’Malta.

    Il-politika Maltija kienet ikkaratterizzata sa mill-ewwel jiem tas-sena bil-ħatra ta’ Prim Ministru ġdid, prim ministru li ġie appuntat awtomatikament mal-ħatra tiegħu bħala Kap tal-Partit Laburista, wara r-riżenja ta’ Joseph Muscat li eventwalment irriżenja wkoll minn membru parlamentari. Il-ħatra ta’ Robert Abela u l-ħidma tiegħu ma kienet xejn mill-ħfief. Apparti li ried inaddaf id-dehra tal-partit li fl-aħħar snin kienet bdiet tittappan minħabba numru żgħir ta’ persuni li kienu qed jaħsbu għal rashom u li kienu qed jieħdu l-kontoll ta’ dak li kien qed isir f’Kastilja, sab ma’ wiċċu l-pandemija tal-Covid-19. Wiret ukoll il-każ Daphne. Sa mill-ewwel ġimgħa tal-Kabinett tiegħu, beda bir-riżenji, meta Ministru fil-Kabinett il-ġdid tiegħu kellha tirriżenja minħabba li rriżulta li żewġha, uffiċjal għoli fil-Korp tal-Pulizija, kien midħla u kien siefer ma’ suspettat ewlieni fil-qtil ta’ Daphne. Minkejja li ddikjarat li ma kinitx taf ma’ min siefer żewġha li miegħu kien hemm uliedhom, xorta rriżenjat wara ġimgħa biex eventwalment għall-aħħar tas-sena reġgħet ġiet maħtura Ministru f’dekasteru ieħor anke wara bdil fiċ-ċirkostanzi familjari. Minkejja dan il-maltemp kollu, ngħid illi Abela kien kapaċi jaffronta l-istess maltemp b’determinazzjoni u fuq kollox fid-direzzjoni t-tajba. Nemmen ukoll li rnexxielu juri li qiegħed hemm biex jassigura governanza tajba. Ma jfissirx illi ma kellux attakki mmirati lejh, anke għax sempliċiment ħa vaganza sa Sqallija fis-sajf, kif ukoll għal deċiżjonijiet dwar il-pandemija minn min, kif għedt aktar ‘il fuq, sar waħdu espert tal-pandemiji. Iżda f’kariga ta’ Prim Ministru, l-attakki u sa ċertu punt il-kritika inġusta tistenniehom dejjem u ngħiduha kif inhi, fin-naħa tal-Partit Nazzjonalista sa minn dejjem kien hemm nies li kapaċi jsibu punt ta’ kritika, jittrasformawh fi storja li jonfħuha kemm iridu b’kapaċità u jmorru biha fejn iridu, ħaġa li l-Partit Laburista qatt ma kien kapaċi jagħmel. Iżda jidher, għallinqas għalina li ninsabu hawn barra, illi lil Robert Abela dawn ftit li xejn għamlu bih u baqa’ għaddej bir-ritmu tiegħu u b’rasu ‘l fuq.

    Il-Parlament Malti din is-sena kien ikkaratterizzat ukoll b’riżenji diversi ta’ diversi membri parlamentari fuq iż-żewġ naħat tal-kamra; kif ukoll bil-mewt tal-Membru Parlamentari Frederick Azzopardi, li l-memorja tiegħu minn hawn insellem.

    Fin-naħa tal-Partit Nazzjonalista wkoll kellna bidla fil-kap. Uħud mill-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni bdew jagħmlu minn kollox biex ineħħu lil Adrian Delia li kien assuma t-treġija tal-partit wara l-aħħar elezzjoni. Dejjem għedt li Delia miet qabel twieled għax sa mill-ewwel sigħat tiegħu bħala kap, qatt ma tħalla jieħu nifs suret in-nies minn min baqa’ jħoss illi kellu jmexxi hu lill-PN. Id-daqqiet għal Delia ma bdewx ġejjin mill-PL, iżda minn ġewwa. Tul din is-sena kienu ta’ ġewwa li marru għand il-President biex ineħħih għax ma kellhomx aktar fiduċja fih. Eventwalment spiċċa biex ġie sfiduċjat mit-tesserati u floku nħatar Bernard Grech. Ċert li għadu ma għaddiex biżżejjed żmien biex wieħed ikun jaf Grech xi jsarraf.

    Tul din is-sena saret ħafna ħidma mill-Bord tal-inkjesta pubblika fil-każ ta’ Daphne, kompost minn żewġt imħallfin irtirati u imħallef attiv. Minn din l-inkjesta ħarġet ħafna informazzjoni utli, però ma nistax ma nirrimarkax illi apparti li issa ġġebbdet mhux ħażin din l-inkjesta, qed tidħol ukoll f’żoni li mhumiex il-mertu tal-istess inkjesta. Fl-opinjoni tiegħi, dan il-fatt iservi biss biex jiskredita l-inkjesta kollha kemm hi u jnissel dubji – anke jekk fil-verità ma jeżistuz, li m’għandhomx ikunu.

    Din is-sena ma rajna l-ebda tibdil jew żieda fil-ġudikatura ħlief li l-età tal-irtirar ġiet estiża sa 68 sena. Iż-żieda ta’ ġudikanti fil-qrati hi bżonjuża daqs il-ħobż u l-Gvern għandu jaċċerta li fis-sena li ġejja jkollu biżżejjed ġudikanti fil-qrati tiegħu, bħalma għandu jassigura illi l-imħallef għal Għawdex, diġà approvat mill-Parlament, jieħu postu bla dewmien.

    F’Għawdex rajna wkoll ħatra ta’ Isqof ġdid, Mons. Anton Teuma, li jidher illi qed jaqta’ figura tajba fix-xogħol afdat lilu. L-Isqof Emeritu ta’ Għawdex Mons. Mario Grech ingħaqad bħala l-ewwel Għawdxi fil-Kulleġġ tal-Kardinali, kif ukoll beda jokkupa kariga għolja fil-Vatikan. Minn din il-paġna nawguralhom it-tnejn li huma suċċess fil-ħidma tagħhom.

    Prattikament dawn kienu l-mumenti lil hinn mill-pandemija li rajna tul is-sena 2020 fejn jidħol Gvern u amministrazzjoni tal-pajjiż. Ġraw ħafna affarijiet oħra li kienu s-suġġett tad-diskussjoni tagħna fil-ftit li ltqajna flimkien din is-sena. Nisperaw li minn dawn nieħdu t-tagħlimiet tagħna. Jekk tkun ħaġa li ma nitgħallmu xejn minnha tkun ħaġa bħall-oħrajn li tmut maż-żmien bħalma waslet biex tmut l-2020. Minn hawn nieħu din l-okkażjoni biex nawgura lill-qarrejja sena ġdida mimlija ħidma utli, barka u sliem.