Maħkumin minn partiti li huma supermarket għall-pjaċiri

    F’dawn l-aħħar ġranet spiċċajt bla mowbajl. Waqagħli fl-ilma. Kieku baqa’ mixgħul imma s-sound intefa’. Għamilt minn kollox biex nipprova nnixxfu. Ngħidilkom li ħassejtni ħuta barra mill-ilma mingħajru. Tiskanta kemm tidra ċertu kumditajiet… għalkemm ikolli nistqarr, kien hemm drabi fejn ħassejtni li straħt, f’mumenti oħra sibt ruħi nfittxu. Bqajt nissaporti ftit sakemm fettili ngħid li għandi bżonn ieħor. Għamilt minn kollox ukoll biex forsi nirkuprah… anke ppruvajt insewwieh, iżda ma rnexxilix. Wara kollox, ejja ngħiduha kif inhi, meta oġġett jitlef l-użu tiegħu, apparti l-kunċett ta’ reduce, recycle u reuse hemm repair ukoll.

    Biex jirnexxielek, trid tipprova u tibqa’ tittama fil-ħajja anke jekk forsi jkollok dubju li se jkun kollu għalxejn. Is-sabar u d-determinazzjoni huma żewġ valuri, fost numru minnhom, li għadna ngħożżu.

    Illum għadni kemm inżur xiħa ta’ 94 sena, li tgħix waħedha. Għadha tmekkek f’darha. Saħħitha ddgħajfet sew iżda dik it-tbissima ħelwa, li minn dejjem kont niftakar sa minn ċkuniti, kienet tixgħel il-personalità tagħha. “Tabib,” qaltli  “wasal iż-żmien li nserraħ rasi u kontra qalbi noħroġ minn dari. M’għadnix ta’ waħdi.” Kienet id-determinazzjoni li żammitha għaddejja u tkampa fl-istil ta’ ħajja li hi xtaqet sa dan il-mument. Riedet tgħix ħajjitha b’mod ħieles sakemm il-Mulej jagħtiha saħħitha.

    “Tabib, ma nistax nistenna wisq. Issa ssapportejt biżżejjed. Irrid inkun realistika” tenniet b’dieqa. “Qiegħda fil-lista tal-istennija biex nidħol f’dar tax-xjuħ. Għajnuna mill-ġirien insib, imma jien xebba u familja m’għandix. Wasal iż-żmien li jkolli l-wens” dlonk qaltli.

    Ħafna huma d-drabi f’ħajjitna meta naraw sur quddiemna. Ikunu sfidi li qatt ma nkunu stennejna, u minbarra l-ħila u d-dehen li jżejnu persuna, hi r-rieda li tiddistingwina. L-eżempju u l-esperjenza ta’ din ix-xwejħa huma fost dawk ta’ ħafna, li jgħallmuni.

    Il-ħajja trid tissilitha minkejja li hi sabiħa. Daqqa wiċċ u daqqa ġejjen. Ikollna naċċettaw. Il-bnazzi jagħtina spinta u l-maltemp, la nirbħuh, ikabbarna. Il-kwadru tal-ħajja ma jitpinġiex waħdu. Irridu nkunu aħna l-protagonisti.

    Għalija, l-għanijiet tal-ħajja pubblika fil-politika joqorbu ħafna. Qatt ma kelli għatx għall-poter jew li nkun xi primadonna. Pjuttost kont nippreferi ngħix ħajja aktar miġbura, imma meta s-sens ċiviku qanqal fija dak id-dover biex inservi lil pajjiżna, ħadtu. Il-poter qatt ma għamel bija u kull opportunità nqisha sfida f’isem pajjiżi u sagrifiċċju fuq il-mod kif ngħix ħajti.

    Għalija kull partit politiku hu għodda biex twassal viżjoni fejn il-politika għandha tkun il-forza tar- raġuni, li b’konvinzjoni taħdem favur prinċipji li jkabbru l-politika u li jservu l-interessi tal-pajjiż u l-ġid komuni. Li jkun hemm governanza nadifa u saltna tad-dritt f’demokrazija rappreżentattiva hu l-qofol, daqskemm għandu jkun il-qofol li nisimgħu l-vuċi tan-nies.

    L-elezzjoni hi verdett għal kull partit politiku, imma jekk jintesew il-prinċipji u l-valuri u partit ikun rebaħ, ir-rebħa qatt ma tkun waħda glorjuża.

    Mhu se naqta’ qalbi qatt milli jkollna politika nadifa, għaqlija, ħanina u li tħares lejn kulħadd b’wiċċ wieħed. Inkomplu naħdmu flimkien.

    Il-familja li tippreferi li d-dar tagħha għandha tkun Malta qabel l-għamad politiku, qed tikber. In-nies trid bidla mit-triq li ħadna, li hi maħkuma minn żewġ partiti li huma supermarket għall-pjaċiri u li meta jkunu fil-Gvern iħarsu lejhom infushom bħala allat fl-art.

    Jien nemmen fil-ħiliet tan-nies u nafda l-għażla tagħhom. Flimkien nistgħu nkunu l-protagonisti ta’ Malta ferm aħjar.