Ma rridx li nerġgħu niġu xxukkjati

    Ftit tal-minuti ilu ppreżentajt lill-Ispeaker Abbozz ta’ Liġi (Private Member’s Bill) biex l-użu ta’ imejls mhux uffiċjali (privati) minn uffiċjali pubbliċi għal xogħol uffiċjali/tal-Gvern ikun delitt punibbli bi priġunerija.

    Ilkoll konna xxukjati meta sirna nafu li Joseph Muscat bħala Prim Ministru nnegozja d-deal ta’ €4.2 miljun tal-Cafè Premier u għamel dan billi uża l-imejl privata tiegħu. Ovvjament dan għamlu, u baqa’ jagħmel hekk sa Jannar 2020 biex ma jħallix traċċi ta’ għemilu. Tant kemm hu hekk li l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu kkritika ‘l Muscat għal dan l-użu ta’ imejls privati għal xogħol uffiċjali li ma ħallihx jinvestiga l-korruzzjoni f’dak id-deal f’iktar dettall.

    Matul is-snin wara l-2017, sa din is-sena stess, sirna nafu li diversi Ministri baqgħu jużaw imejls privati għal xogħol tal-Gvern.

    Peress li jaħbi min għandu x’jaħbi, hu ċar li dan għamluh u jagħmluh biex meta jkun hemm investigazzjoni fuq xi għemil jew deċiżjoni korrotta tagħhom, il-provi ma jinstabux.

    Dan l-Abbozz ta’ Liġi jien ilni minn Novembru 2017 li ppreżentajtu lill-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex ningħata l-permess nippreżentah fil-Parlament. Fl-2018, 2019 u bidu tal-2020 tlabt fuq li tlabt biex infakkru fih ħalli nippreżentah.

    Peress li jien nemmen li dan l-Abbozz huwa deterrent qawwi kontra l-korruzzjoni, nemmen li ma nistax nibqa’ bla risposta u ddeċidejt li stennejt iżżejjed.

    Niddikjara li f’Novembru 2017, apparti dan l-Abbozz jien kont ippreżentajtlu wkoll numru ta’ Abbozzi ta’ Liġijiet oħra li ktibt jien u li biex ktibthom għamilt għexieren ta’ sigħat ta’ riċerka u sagrifiċċju. Anke fl-2019 ktibt oħrajn (inkluż Mozzjonijiet) u li wkoll lanqas qatt ma ġew ippreżentati quddiem il-Grupp Parlamentari, aħseb u ara kemm tħallejt nippreżentahom.

    Naħseb wasal iż-żmien li nuri bil-fatti kemm sar xogħol minn wara l-kwinti u li sfortunatament kien hemm min ried li jibqa’ mistur sabiex tiġi mitmugħa l-gidba li ma tħalliex jaħdem.

    Illum bdejt b’dan l-Abbozz. Mhux se jkun l-uniku.