Louis Galea Diġà Falla?

    Nistqarr li bqajt skantat naqra rapport partikolari fuq website ta’ ġurnal bl-Ingliż li magħruf għal kemm huwa kritiku tal-Gvern Laburista mmexxi minn Dr Joseph Muscat u kemm ixaqleb lejn il-Lemin tal-ispettru politiku. Fir-rapport intqal li Dr Louis Galea ippropona li l-Partit Nazzjonalista jibdel ismu għal “Partit Popolari”, jinbidel l-innu tal-Partit “Sbejħa Patrija”, u titneħħa l-emblema magħrufa bħala “l-Maduma”. Ġie rrappurtat li Dr Galea ma sabx l-appoġġ li xtaq għal dawn il-proposti.

    Iktar inkwetanti minn hekk għal Dr Adrian Delia u l-Partit Nazzjonalista, ir-rapport kompla jgħid li l-ħatra ta’ Dr Louis Galea biex jirriforma l-PN ma ntlaqatx b’xi entużjażmu partikolari. Xhieda tal-apatija u n-nuqqas ta’ ħeġġa li jirrenjaw bħalissa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista huwa l-fatt li meta Dr Galea mar jiltaqa’ mal-kumitati reġjonali tal-Partit Nazzjonalista, ftit nies attendew u fost dawn kien hemm anke min spiċċa raqad waqt il-laqgħa! – Dan kollu ħareġ f’dan ir-rapport tal-ġurnal li semmejt u mhux qiegħed ngħidu jien.

    Għalhekk, wieħed bilfors jistaqsi jekk il-ħatra ta’ Dr Louis Galea biex jixpruna riforma fi ħdan il-PN kinetx idea diżastruża min-naħa ta’ Dr Adrian Delia, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista. L-ewwelnett, permezz ta’ din il-ħatra wera li hu mhuwiex mexxej kapaċi, għax talab l-għajnuna ta’ ħaddieħor biex isolvi l-problemi li hu ma kienx kapaċi jsolvi waħdu, kif għandu jagħmel kull mexxej kapaċi. It-tieni, jidher ċar li Dr Louis Galea diġà falla fil-missjoni fdata lilu għax il-ħatra tiegħu ntlaqgħet b’apatija kbira fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

    Uħud fil-fatt saħqu fuq il-punt li Dr Galea lanqas biss kien ġie elett fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2008 u, għalhekk, kienet għażla ħażina dik ta’ Dr Adrian Delia li sejjaħ bniedem li l-votanti kienu warrbu għaliex riedu demm ġdid floku. Fil-fatt, fl-2008, fuq il-Ħames Distrett Elettorali, kien ġie elett Dr Franco Debono u Dr Louis Galea baqa’ l-art. Dr Galea falla wkoll milli jiġi elett fuq is-Sitt Distrett Elettorali.

    Jidher għalhekk li l-Partit Nazzjonalista għadu fl-isqaq li daħal fih u li s-sejħa li saret lil Dr Louis Galea biex joħorġu minnu kienet waħda żbaljata u li diġà jidher li se twassal għal falliment ieħor.

    Quo Vadis PN?