Lockdown?

    Roma-Lockdown

    In-numri qed ikomplu jikbru. L-imwiet żdiedu wkoll. Ix-xogħol li jiddependi fuq industriji tat-turiżmu, ikel eċċ. jinsab imkisser. Il-Gvern jippompja l-flus biex itaffi l-weġgħa. In-nies f’mument tibża’ u f’mument tinsa. Imma fejn se naslu? X’se nagħmlu?

    Hu ċar illi qabel ma jinstab il-vaċċin għall-Covid-19 ħadd mhu se jieħu ruħ. U lanqas irridu niġru bl-idea illi kif jinstab il-vaċċin l-affarijiet se jinqalbu mil-lejl għan-nhar. Ikun baqa’ ferm x’naqdfu sakemm l-affarijiet jissodaw. Il-vaċċin mhux se jkun bakketta maġika u hemm ċans li għall-bidu lanqas iħalli r-riżultati meħtieġa, għaliex ikun għad fadal x’jiġi żviluppat fih.

    U sal-vaċċin x’se nagħmlu?

    Fil-bidu tal-pandemija kien hawn ħafna biża’. Forsi kien biża’ żejjed ukoll. Dan il-biża’ kien ġej mhux biss minn nies iżda anke mill-awtoritajiet. L-awtoritajiet f’Malta imponew speċi ta’ lockdown, ta’ kuljum kienet tiġi s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika fuq it-televiżjoni tagħti l-aġġornamenti, ingħalqu l-knejjes u postijiet pubbliċi, lill-anzjani u l-vulnerabbli intbagħtulhom ittri d-dar biex ma joħorġux ħlief għal vera bżonn, liema miżura baqgħet fis-seħħ għal żmien anke wara li tneħħew miżuri oħra. In-nies kienet tibża’ minn nies, taħsel ix-xirja u tiddiżinfetta. U dan meta l-każijiet kuljum kienu tużżana u mhux mitejn.

    Imma wieħed jista’ raġonevolment jargumenta, illi jista’ jkun illi dakinhar il-każijiet kienu u baqgħu baxxi minħabba l-miżuri iebsa li adottajna. U ma ninsewx illi dakinhar Malta qalgħet tifħir. Dak iż-żmien pajjiżi li marru għal miżuri drastiċi wara li kien diġà tard, kellhom riżultati diżastrużi. Dak iż-żmien anke n-numru ta’ mwiet f’Malta kien wieħed limitat. Illum hu bil-wisq ferm akbar.

    In-numru ta’ każi li qed jinstabu kuljum hu wieħed relattivament għoli meta wieħed iqis il-popolazzjoni Maltija. Ma rridx nidħol fil-mertu ta’ kemm hi perikoluża jew le l-marda, għax issib min jgħidlek li din tip ta’ influwenza oħra. Konvint li ħadd minnkom ma jrid illi xi ġenitur anzjan tiegħu għandu kemm għandu mard ieħor iżda li sal-lum kien għaddej, imur id-dinja l-oħra minħabba l-Covid. U għalhekk il-coronavirus trid tiġi trattata bħala għadu u xejn aktar.

    Iżda jidher li ħadd ma għandu aptit jagħmel xejn. La l-Gvern u lanqas in-nies. Jekk se nibda minn nies, jidher illi n-nies minkejja li tgerger għall-marda, qed tippretendi li tgħix ħajja normali. Ikolli sfortunatament nammetti li f’din is-sitwazzjoni deher ċar kemm għandek faxxa ta’ nies f’Malta li hu diffiċli biex jifhmu: nies li ma jridux jilbsu maskra; nies li ma jafux jilbsu; nies li minkejja kollox jitħalltu flimkien qisu qatt ma kien xejn u bla ma jagħtu kas ta’ xejn, u li kapaċi jgergru u jistgħaġbu inkluż fuq il-mezzi soċjali, imbagħad ikunu huma l-ewwel nies li jinjoraw id-direttivi.

    Minn naħa tal-Gvern is-sitwazzjoni hi wkoll ta’ ħsieb. Il-Gvern wera ċar illi jrid iżomm bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija. Ma tagħtihx tort. Imma bħal kollox fil-ħajja kultant tasal f’sitwazzjoni fejn trid tagħżel il-prijorità. F’dan il-każ il-Gvern irid jagħżel lil min jagħti prijorità: jekk hux lis-saħħa jew lill-ekonomija. Irid iżomm quddiem għajnejh illi fil-popolazzjoni għandu faxxa ta’ nies li kif rajna aktar ’il fuq diffiċli tfehemhom. Irid iżomm quddiem għajnejh illi jagħmel x’jagħmel se jsib ħafna li jgergru. Irid iżomm quddiem għajnejh illi jieħu liema triq jieħu se jsib nies inkluż politiċi li se jikkritikawh negattivament u għalhekk kull kif se jaqlagħha.

    Però minn naħa l-oħra, il-Gvern ma jridx jinsa li ma nistgħux nibqgħu għaddejjin nippretendu li business as usual, għax fil-verità mhux business as usual. Lanqas irid jitwarrab il-ħsieb illi eventwalment l-ekonomija tiddependi wkoll fuq is-saħħa tal-bniedem. Ġej il-perjodu tal-Milied, perjodu magħruf li jistimula l-ekonomija interna, bħalma huma xiri ta’ rigali, parties u ristoranti. Imma jekk se nibqgħu hekk se nkunu nistgħu noqogħdu nduru lil xulxin biex inqassmu r-rigali, jew se noqogħdu d-dar? Parties ċertament li le, imma l-ikliet fir-restoranti se neliminawhom jew innaqsuhom ukoll?

    Pajjiżi oħra ħadu ħsieb illi tul dan ix-xhar jimponu lockdown jew sħiħ jew parzjali bit-tama li fil-Milied l-affarijiet ikunu aħjar u r-rota ekonomika tkun tista’ ddur anke jekk bil-mod. Hekk jew hekk rajna illi meta ġew imposti l-locdowns aktar kmieni din is-sena s-sitwazzjoni tjiebet u l-poplu għamel kuraġġ. Il-Gvern Malti jrid jikkonsidra serjament din il-possibilità u dan irid jagħmlu malajr kemm jista’ jkun. Xahar jgħaddi bħalma għaddew xhur oħra u l-ħaġa taf tħalli l-frott li eventwalment tista’ tfisser illi l-Gvern ma jkollux aktar bżonn jibqa’ jippompja flus. Finalment il-Gvern irid jibża’ minn sitwazzjoni fejn il-lockdown tkun ta’ bilfors, għaliex hemmhekk tkun twila u ferm aktar ħażin għall-ekonomija. Dan biex ma nsemmix il-ħajjiet li nkunu tlifna sa dakinhar.