‘Lockdown’ mhuwiex ‘house arrest’

    Piazza-san pietro

    Matul dawn l-aħħar sigħat smajna ħafna dwar kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni b’rabta mal-Coronavirus. Kulħadd huwa inkwetat. U bir-raġun.

    Il-Prim Ministru qiegħed il-ħin kollu jisħaq li s’issa l-każijiet kollha li għandna f’pajjiżna huma kollha “impurtati” jiġifieri li persuni Maltin jew barranin ġew infettati bil-Coronavirus meta kienu msefrin.

    Huwa ċar li l-Prim Ministru qed jistenna l-ewwel sensiela ta’ każijiet li l-Coronavirus jkun għadda minn persuna għal oħra waqt li tnejn li huma jkunu jinsabu f’pajjiżna. Il-Prim Ministru qed jiddeskrivi dan bħala “sustained local transmission”. Qed jinsisti li ma jarax li bħalissa hemm bżonn li jsir lockdown.

    L-Assoċjazzjoni Medika Maltija, jiġifieri t-tobba ta’ pajjiżna, qiegħda tinsisti li jsir lockdown b’mod immedjat u mhux nagħmlu l-iżball li għamlu u qegħdin jagħmlu pajjiżi oħra. L-istess qegħdin jisħqu l-Oppożizzjoni, il-General Workers’ Union, il-UĦM Voice of the Workers u l-Forum Unions Maltin.

    Il-Prim Ministru qiegħed jiddeskrivi l-għażla li jsir lockdown bħala waħda li tkun tfisser li kulħadd ikun taħt house arrest, jiġifieri kulħadd ikun priġunier f’daru.

    Lockdown mhuwiex house arrest.

    Lockdown ifisser li kif qed jgħidu t-tobba Maltin, niżguraw li s-servizzi tas-saħħa ta’ pajjiżna jkunu jistgħu jlaħħqu jagħtu l-għajnuna lil min għandu bżonnha meta s-sitwazzjoni tiggrava.

    Lockdown ifisser nipproteġu l-ħajja ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna, l-anzjani u t-tfal.

    Lockdown ifisser prevenzjoni.

    Lockdown ifisser nibżgħu għal xulxin.

    F’dan il-mument lockdown tfisser solidarjetà.