lnformazzjoni fuq it-tikketta tal-fliexken tal-alkoħol

    L-Unjoni Ewropea timponi fuq kull min ipoġġi prodotti fuq is-swieq tagħha li jekk l-oġġett huwa tal-ikel jew xorb, allura jkun hemm l-obligu li titwaħħal it-tikketta fuq il-prodott bil-lista ta’ l-ingredjenti li hemm ġo fih. Dan iżda ma jgħoddx għax-xorb alkoħoliku.
    Sal-lum mhux meħtieġ li l-produtturi tax-xorb alkoħoliku jinfurmaw lill-konsumaturi tagħhom dwar x’qed jixorbu. Interessanti naraw kif fl-2011, l-istess istituzzjonijiet Ewropej għaddew liġijiet fejn kien stipulat ċar illi l-prodotti tal-ikel, tax-xorb (minerali) u anke għasir tal-frott u ħalib kellhom ikollhom tabella li tindika ċar l-ingredjenti użati fil-produzzjoni tal-prodott, kif ukoll informazzjoni fuq il-valur nutrittiv ta’ l-istess prodott.
    Jekk minn naħa ninterpretaw li l-konsumatur ingħata d-dritt li jkun jaf x’hemm fi prodott qabel ma jixtrieħ jew qabel ma jikkunsmaħ, bl-istess argumentazzjoni jidher ċar li l-istess konsumatur ġie imċaħħad mid-dritt li jkun jaf x’hemm fil-prodotti tal-alkoħol li hu jixtri u jikkonsma. Wieħed jistaqsi, dan għaliex? Speċjalment meta qed nitkellmu fuq prodott li jista jkollu effetti xejn sbieħ.
    Il-Kummissjoni Ewropea hija obligata li tlesti rapport preċiżament fuq dan sal-aħħar tas-sena (2014). Imbagħad iridu jittieħdu d-deċiżjonijiet. Imma fuq in-naħa l-oħra ta’ l-Atlantiku diġa hemm min qed iwassal messaġġ importanti dwar id-dritt li persuna għandha sabiex tkun taf eżatt x’hemm ġewwa l-prodott li qed tixtri u tikkonsma.
    Kumpannija li tagħmel il-birra (Anheuser-Busch) diġa wriet eżatt l-ingredjenti li tuża biex tagħmel il-birra tagħha u l-valur nuttrittiv ta’ dawn. Issa naraw x’se jagħmlu l-kumpanniji l-oħra.
    Naraw ukoll kif fit-Turkija, sar obligatorju minn Ġunju li għadda, li jkun hemm informazzjoni fuq l-effetti negattivi li l-alkoħol għandu fuq tlett setturi tal-popolazzjoni li kulħadd jaqbel magħhom. Dawn huma:

    • Il-minuri jiġifieri dawk li huma taħt it-tmintax il-sena.
    • Nisa li qed jistennew tarbija;
    • Is-sewwieqa kollha – kemm ta’ karozzi, inġenji oħra u wkoll dgħajjes eċċ.

    Għandna biżżejjed riċerka li tikkonferma l-effett ta’ l-alkoħol fuq kull wieħed minn dawn il-gruppi.
    Minn naħa l-oħra, l-Ewropa hija konxja sew ta’ l-effetti li l-alkoħol kapaċi jkollu fuq il-bniedem u s-settur tas-Saħħa Pubblika jieħu din ir-responsabbilta b’serjeta kbira. Fil-fatt ġiet żvilupata strateġija sabiex l-effetti negattivi ta’ l-alkoħol jittnaqqsu kemm jista jkun. Meta niftakru li 7% tal-problemi ta’ saħħa u mwiet bikrija ġej mill-abbuż tal-alkoħol, żgur ilkoll naqblu li ċertu azzjonijiet huma inevittabbli.
    Biss bħal f’ħafna affarijiet oħra, s-saħħa tal-popli mhux qeda fuq quddiem nett ta’ l-aġenda ewropea fejn suppost tkun. Aktar jimpurtana mill-aspett ekonomiku. Ma nixtieqx li niftiehem ħażin – l-ekonomija hija l-fus li fuqu ddur d-dinja tal-lum imma jekk is-saħħa tal-popli ma tkunx fuq quddiem nett bħala, allura aktarx li dak li qed nigwadanjaw minn naħa, illum jew għada se jittnaqqar u flok jintuża sabiex isir aktar żvilupp, ikollna nużawħ sabiex nikkuraw lil dawk li ttrasskurajna qabel. Il-qliegħ ekonomiku li nkunu ħallasna għalih bis-saħħa tal-poplu m’hu qliegħ xejn imma huwa sfruttament.
    Jekk verament nemmnu fid-dritt tal-konsumatur, allura l-Ewropa għandha mingħajr tlaqliq titlob lit-tiketta fuq ix-xorb alkoħoliku titwaħħal ukoll.

    Sina Bugeja