Liġi biex ma jerġax ikun hemm Dieselgate ieħor

    Għaddew ħames snin minn Dieselgate u sal-lum min jimmanifattura l-karozzi tħalla jipproduċi karozzi li jniġġsu ferm aktar minn dak li jidher fuq il-karta, b’detriment għal saħħet in-nies. Iċ-ċittadini ma jridux li l-karozzi jniġġsu mod fil-laboratorju, imbagħad iħammġu aktar fit-triq. Bix-xogħol li għamilt ridt naċċerta ruħi li nindirizzaw din id-diskrepanz.

    It-teknoloġija teżisti u għandna niffokaw fuq l-użu tagħha għall-benefiċċju taċ-ċittadini u l-konsumaturi. Ma jagħmilx sens li jiġu stabbiliti limiti fil-leġiżlazzjoni mbagħad l-industriji jitħallew jaqbżu dawn il-limiti. Għalhekk li ħadna pożizzjoni b’saħħitha biex nagħtu dak li ċ-ċittadini jistennew minna biex nipproteġu saħħithom.

    Ir-Rapport dwar il-Kwalità tal-Arja tal-2019 mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent juri li t-tniġġis tal-arja wassal għal aktar minn nofs miljun mewta prematura fl-2016 u huwa l-ewwel kawża ambjentali ta’ mewt prematur fl-Unjoni Ewropea. Il-karozzi tal-passiġġieri jipproduċu 40% tal-emissjonijiet totali NOx fl-UE.

    Nhar il-Ħamis, il-Parlament Ewropew ivvota biex ineħħi d-diskrepanza bejn dak li jgħid test fil-laboratorju dwar it-tniġġis mill-vetturi u dak li filfatt jiġri fit-triq. Fl-2015, l-iskandlu Dieselgate żvela kif il-karozzi fit-triq kienu qed iniġġsu ħafna aktar minn dak li kienu qed jiddikjaraw. Dan fisser li kien hemm produtturi tal-karozzi li qarrqu it-testijiet li juru kemm kull vettura tniġġeż.

    Il-Parlament Ewropew u ċ-ċittadini talbu lill-Kummissjoni Ewropea tirretifika s-sitwazzjoni. Imma meta ffaċċjata bi pressjoni mill-lobby tal-industrija tal-karozzi, il-Kummissjoni Ewropea introduċiet marġini ta’ konformita b’tali mod li ċertu vetturi baqgħu jniġġsu aktar milli suppost. Dan fisser li sal-llum għad għandna karozzi li jarmu 168mg / km ta’ NOx minflok it-80mg għal kull kilometru, kif titlob il-liġi.

    Il-Parlament Ewropew irid li minn Settembru 2022, il-karozzi jridu jissodisfaw il-limiti tal-UE fuq l-emissjonijiet ta’ NOx, biex jikkonformaw mal-limiti tat-tniġġis tal-arja. Din il-pożizzjoni ġiet adottata b’485 vot favur kontra 169 u 42 astensjoni.

    Miriam Dalli qalet dan b’reazzjoni għall-vot fil-Parlament Ewropew fuq ir-Regolament Type Approval li jindirizza l-emissjonijiet reali tas-sewqan, li tiegħu kienet rapporteur f’isem l-S&D. Il-vot inkiseb wara xhur ta’ negozjati bejn il-gruppi politiċi, bl-S&D taħdem għal limiti aktar stretti.

     

    Miriam Dalli hija Membru Parlamentari Ewropew Maltija u Viċi President tal-S&D għall-Green Deal Ewropew.