Liema “Allaħu Akbar”?

    “Ninsabu fi gwerra”: qalha l-President Francois Hollande u qalha l-Papa Franġisku. Ma tilħaqx tieqaf titkellem dwar l-aħħar ħniżrija mwettqa mill-militanti iżlamiċi f’xi pajjiż, li ma jitfaċċax xi attakk ġdid (jew għallinqas xi theddida ta’ attakk) xi mkien ieħor. Għadni kif irritornajt Malta minn Ruma, li normalment hija assoċjata ma’ ‘La dolce vita’ (dak l-istil ta’ ħajja ferrieħi u rilassat tat-Taljani); iżda fid-dawl tal-attakki reċenti ta’ Pariġi, anki l-Belt Eterna tinsab taħt l-ogħla allerta. Il-knejjes u l-monumenti huma kontinwament mgħassa mill-pulizija u s-suldati u anki t-turiżmu donnu qed jieħu daqqa. Il-folla preżenti għall-udjenza tal-Papa Franġisku nhar l-Erbgħa li għadda kienet ferm iżgħar mis-soltu. Għalxejn ngħidu li ma rridux inħallu dawn l-attakki jibdlu l-istil ta’ ħajja tagħna, għax quddiem il-mewt u l-ħruxija kulħadd jibża’.
    Agħar minn hekk, hija gwerra kontra għadu għalkollox bla raġuni. Mhuwiex qed jiġġieled għal xi ħaġa li tista’ tinnegozja dwarha u forsi tasal għal kompromess miegħu biex iwaqqaf l-attakki. Niftakar frażi li Alfred, il-butler, jgħid lil Bruce Wayne (Batman) fil-film The Dark Knight tal-2008 dwar il-karattru tal-Joker: “Some men aren't looking for anything logical, like money. They can't be bought, bullied, reasoned, or negotiated with. Some men just want to watch the world burn.” Qatt ma bsart li frażi minn film ta’ fantaxjenza tista’ tiddeskrivi b’mod daqshekk perfett ir-realtà li qed ngħixu bħalissa fid-dinja.
    Kemm hija ironika mbagħad li taqra l-komunikati tal-ISIS (fejn jiftaħru li wettqu xi attakk, jew jheddu b’xi ieħor) u tara li jibdew dawn id-dokumenti mimlija mibegħda u vjolenza bil-frażi Iżlamika msejħa l-bismillaħ: “F’isem Allaħ, l-iktar twajjeb, il-Ħanin.” Nissuspetta li għandna kunċett kemmxejn differenti ta’ ħniena!
    Jew kemm hija ta’ niket l-għajta li issa ġiet assoċjata ma’ dawn l-attakki: “Allaħu akbar.” Nista’ nobsor li għall-maġġoranza kbira tal-Musulmani ġenwini tkun daqqa ta’ ħarta mill-kbar kull darba li jisimgħu b’attakk ieħor u jaraw l-isem ta’ Alla mkasbar b’dak il-mod.
    Frażi li regolarment itennu l-politiċi wara dawn l-attakki hija li l-atroċitajiet u dawk li jwettquhom m’għandhom xejn x’jaqsmu mal-Iżlam bħala reliġjon. Imma l-militanti jafuha din il-ħaġa? Għax il-problema hi li huma jqisu lilhom infushom Musulmani aqwa mill-oħrajn, u li dak li qed jagħmlu huwa mitlub direttament mill-Quran, il-ktieb qaddis tagħhom.
    Wara l-attakki ta’ Pariġi, diversi awtoritajiet mill-komunità Musulmana kkwotaw vers mill-Ħames sura tal-Quran (5:32) li jgħid – bejn wieħed u ieħor – li kull minn joqtol persuna innoċenti, ikun daqs li kieku qatel id-dinja kollha. Ħsieb sabiħ kemm trid, imma għall-militanti Iżlamiċi, la jien, la intom u saħansitra l-anqas it-tfal ma jgħoddu bħala “persuna innoċenti”. Is-sempliċi fatt li m’għandniex l-istess twemmin  tagħhom jagħmilna ġellieda għedewwa f’għajnejhom.
    Għalina – skont il-militanti Iżlamiċi – ma japplikax it-32 vers tas-Sura 5, iżda dak li jiġi eżatt warajh (5:33): “Il-kastig għal dawk li jagħmlu gwerra kontra Allaħ u l-Ħabbâr tiegħu u li jwettqu l-ħsara fl-art huwa biss dan: li għandhom jiġu maqtula, jew imsallba, jew li jinqatgħulhom idejhom u saqajhom minn naħa u minn oħra, jew li jintefgħu l-ħabs. Dan ikun ta’ għajb għalihom f’din id-dinja, u fil-ħajja li jmiss ikollhom kastig aħrax.”
    Nistennew b’ħerqa sabiex naraw liema viżjoni u interpretazzjoni ta’ Allaħ u tal-messaġġ tiegħu se tirbaħ fl-aħħar.