“Li tkun waħdek tweġġgħek daqslikieku m’għandekx x’tiekol!”

    Għadna kif iċċelebrajna l-Jum Internazzjonali ddedikat lill-Anzjani. Il-Papa Franġisku, fil-Jum Dinji taż-żgħażagħ fi Krakovja, saħaq fuq l-importanza li fost ħafna affarjiet li nagħmlu f’ħajjitna, għandna dejjem nġibu rispett lill-anzjani tagħna.
    Skont statistika maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea, għoxrin fil-mija tal-Ewropej, sa jkunu ’l fuq minn 65sena sa sena 2025. Dan għax il-qasam tas-saħħa għandu mpatt pożittiv fuq il-popolazzjoni inġenerali. Huwa fatt magħruf li l-anzjanità hija waħda mill-akbar sfidi soċjali u ekonomiċi għal dan is-seklu, kemm f’Malta kif ukoll mal-kumplament tad-dinja. F’Malta, il-povertà qalb l-anzjani, dejjem qed tiżdied, u dan tikkonfermah l-istatistika li tipprovdi l-NSO. Fl-2015, ir-riskju ta’ faqar għall-popolazzjoni inġenerali kienet 16.3 fil-mija. Filwaqt li x-xejra fuq it-tfal fejn jidħol riskju ta’ faqar turi tnaqqis, jirriżulta bil-kontra fil-qasam tal-anzjani, fil-fatt, 21 fil-mija tal-popolazzjoni anzjana huma f’riskju tal-faqar.
    “Li tkun waħdek tweġġgħek daqslikieku m’għandekx x’tiekol!”
    Għalkemm nitkellmu spiss dwar faqar ekonomiku, imma li tkun waħdek tweġġgħek daqslikieku m’għandekx x’tiekol u dan jesprimuh ħafna minn dawk li nitkellmu magħhom. Is-solitudni tolqot ferm lil dawk l-anzjani li wara li jkunu rabbew familja, b’ħafna mħabba u dedikazzjoni, issib li dawn jispiċċaw weħidhom, mingħajr ħadd idur bihom. Is-solitudni ma tolqotx biss lil dawk li għandhom dħul ekonomiku baxx. Tolqot ukoll persuni li jinsabu weħidhom għaliex għandhom problemi fil-familji jew saħansittra li m’għandhom lil ħadd.
    Il-qaddisa ta’ żmienna Madre Tereża titkellem ħafna dwar is-solitudni u waħda mill-kwotazzjonijiet tagħha tgħid hekk: “Loneliness and the feeling of being unwanted is the most terrible poverty.” Min jaf kemm-il anzjan qiegħed f’dar tal-anzjani jew f’daru waħdu – mingħajr ħadd ma jżuru… iġorr biss il-memorji ta’ min jaf kemm-il sagrifiċċju għamel matul ħajtu biex seta’ jara lil uliedu aħjar minnu.
    Meta persuna tħoss li tinsab weħidha, tkun għaddejja minn tbatija psikoloġika kbira. Għala m’għandix inkun konxju li fit-triq fejn noqgħod, hemm jabita anzjan li m’għandu ’l ħadd, u kemm hi xi ħaġa sabiħa li mmur inħabbat il-bieb tiegħu, ngħidlu bonġu u nara jekk għandux bżonn xi ħaġa. Kien proprju għalhekk li Caritas Malta ftit tax-xhur ilu nediet il-kampanja “Tinsinix”, li l-ħsieb warajha kien li meta wieħed jiddedika dawk il-ftit minuti, għal dik il-persuna tkun tfisser li hemm min qed jaħseb fiha, hemm min jimpurtah.
    Nitkellmu ħafna dwar il-karità, u forsi f’moħħna din il-kelma tfakkarna f’xi donazzjoni li se nagħtu. Imma kemm hu ferm aktar prezzjuż li tagħti mill-ħin tiegħek lil ħaddieħor li jinsab waħdu! Il-ferħ ma jkunx biss għal dik il-persuna li qed iżżur, imma għalik ukoll – iktar ma tagħti, aktar se tirċievi.
    Fid-dawl ta’ bidliet soċjali u demografiċi li qed iseħħu, tajjeb wieħed ikompli jirrifletti; il-ħidma tal-Gvern, il-Knisja u l-NGO’s huma biżżejjed? Jien u int, x’qed nagħmlu f’dan il-kuntest? Caritas tistiednek tagħti aktar kas ta’ dak l-anzjan jew anzjana (li jistgħu jkunu l-istess ġenituri tiegħek) li jgħixu weħidhom fil-komunità. Uruhom li hemm min jagħti kashom. Min jimpurtah. Min iħobbhom.