Le għall-ħbiberiji żejda tal-politiċi mal-businessmen

    Huwa fatt li ma jista’ jmerih ħadd li l-Gvern Laburista qiegħed jaqla’ ħafna kritika minħabba ċerti ħbiberiji żejda ta’ politiċi Laburisti mal-businessmen fiż-żmien meta l-gvern kien immexxi minn Dr Joseph Muscat. Huwa fatt ukoll li dawn il-ħbiberiji żejda tal-politiċi mal-businessmen ma bdewx meta tela’ l-gvern Laburista fl-2013 imma ilhom jeżistu għal snin twal. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li huma xi ħaġa li ttappan il-politika Maltija u għandhom jinqatgħu llum qabel għada.

    Huwa ħażin li Prim Ministru jew membri oħra tal-gvern ikunu ħbieb kbar u jżommu relazzjonijiet personali mill-qrib ħafna ma’ ċerti nies tal-business li jista’ jkollhom interess kbir li jinfluwenzaw u anke jimmanipulaw deċiżjonijiet meħuda mill-gvern. Naturalment, dawn il-businessmen jirsistu biex id-deċiżjonijiet tal-gvern jittieħdu b’mod li jaġevolawhom minflok isiru mija fil-mija favur l-interess pubbliku.

    Huwa ħażin li jkollok il-persuna li tmexxi lill-assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi bħala konsulent tal-gvern. Industrija li kulħadd jgħid kemm hemm bżonn li tkun regolata u kkontrollata aħjar ikollha dak li jmexxiha jagħti l-pariri lill-gvern! – Mhux ta’ b’xejn li l-iżviluppaturi għandhom il-poter li għandhom! – Irvinajna l-ambjent ta’ pajjiżna biex erba’ min-nies iħaxxnu bwiethom.

    Irvinajna l-ambjent ta’ pajjiżna biex erba’ min-nies iħaxxnu bwiethom.

    Huwa ħażin li chairperson ta’ entità pubblika jmur jiekol ma’ businessman prominenti biex jiddiskuti xogħol relatat mal-pożizzjoni pubblika tiegħu fil-kuntest tal-interessi tal-businessman rigward proġetti li jridu l-barka tal-istess entità pubblika. Għalfejn qiegħed l-uffiċċju? – Mhux biex jiġu diskusssi materji bħal dawn? – Meta wieħed imur jiekol ma’ businessman ma jkunx qiegħed iżomm id-distanza li kull uffiċjal ta’ entità pubblika għandu jżomm ma’ membri tal-pubbliku fil-qadi ta’ dmirijietu.

    Hemm imbagħad il-kwistjoni ta’ relazzjonijiet intimi bejn politiċi u businessmen. Hawnhekk ma tistax tikkmanda lil dak li jkun x’jagħmel bil-ħajja privata tiegħu. Madankollu, wieħed irid jaċċerta li jekk xi membru tal-gvern ikollu jew ikollha relazzjoni intima ma xi ħadd prominenti fid-dinja tal-business, għandu jiġi aċċertat li ma jkun hemm l-ebda kunflitt ta’ interess fil-ħidma pubblika kollha tal-membru tal-gvern li jkollu/jkollha din ir-relazzjoni intima.

    Hemm bżonn li l-Gvern Laburista mmexxi minn Dr Robert Abela jibda paġna ġdida f’dan ir-rigward. Il-Gvern Laburista huwa l-uniku fiċ-ċirkostanzi preżenti li jista’ jmexxi lill-Gżejjer Maltin. Huwa gvern li qiegħed jagħmel ħafna ġid. Ħasra kbira jekk inħallu rabtiet żejda mad-dinja tal-business jirvinaw l-isem tajjeb tal-Partit Laburista fil-gvern, isem li dejjem fisser serjetà, effiċjenza, ħidma kontinwa u, fuq kollox, imħabba kbira għal Malta u l-Maltin.