La tabbanduna l-fatti, tabbanduna l-libertà

    Qiegħed fi pjazza, f’ħanut tat-te 'l bogħod minn pajjiżi, bi ktieb f’idejja li għadni kemm nixtri miktub mill-Professur tal-Istorja Timothy Snyder.

    Ftaħt l-ewwel faċċata u bdejt naqra: ‘Fis-Seklu 20 id-demokrazija Ewropea waqgħet żorba minħabba l-Faxxiżmu, Nazziżmu u l-Komuniżmu. Dawn kienu movimenti fejn mexxejja jew partiti stqarru li se jagħtu leħen lin-nies, wegħduhom li se jipproteġuhom minn theddid internazzjonali u ħarrfu minnflok ħaddnu r-raġuni ’.
    Ninnota li l-ġrajja tal-Ewropa tixhed li l-valuri ta’ soċjetà faċli jiddgħajfu u riżultat t’hekk, poplu jista' jispiċċa f’ċirkostanzi mhux tas-soltu. Din hi ġrajja fejn il-politika evolviet minn prinċipji nsara u żvijat f’ realtajiet oħra.
    Illum il-ġurnata twaqqfet u għandna l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Organizzazzjoni tas-Sigurtà u Koperazzjoni tal-Ewropa biex isaħħu l-armonija internazzjonali bit-tisħiħ ta’ għodod li jgħożżu l-fiduċja, solidarjetà, ġustizzja u sliem.
    Minkejja dan nafu x’ġara fl-Eks Yugoslavja u x’ qed jiġri fl-Ukrajna u l-mod kif pajjiżi bhat-Turkija qed jitmexxew, filwaqt li qed jinħmew ġrajjiet umani ta’ terrur madwar il-konfini tal-kontinent Ewropew. Hi l-Istorja li turina triqat ta’ esperjenzi umani li jwassluna biex nagħtu ġudizzju.
    Min jaf kemm ġieli saqsejt lili nnifsi. Imma f’soċjetà li qed tinbidel u spiċċat individwalistika nistgħu mmorru żmerċ?
    Ħarist lejn in-naħa l-oħra tat-triq u lmaħt missier jimbotta tarbija marbuta f’pushchair fuq il-bankina. Iggustajthom. Il-wens tal-missier lit-tarbija xehed imħabba…
    ‘Ħalli niftiehem sew’ tennejt bejni u bejn ruħi. L-individwalità hi siewja għax tagħti identità lill-persuna u ġġiegħel lil kull individwu jilħaq il-milja tiegħu. L-individwalità tibni u tagħti dinjità, meta titħaddem sew u b’mod kollettiv, hi tħares l-interess pubbliku. Meta l-individwalità titlef triqtha dan ma jseħħx u dawn is-sisien jgħibu mhux biss b’mod individwali izda fis-soċjetà stess, għax in-normi jinbidlu.
    F’dawn iċ-ċirkostanzi l-individwalità tittrasforma ruħha f’ħajja ta’ tellieqa materjalistika iżda li hi negattiva u mimlija regħba, tant li l-integrità tal-persuna ma titqiesx u l-għemil ħażin nibdew inpinġuh tajjeb. F’kelma waħda naqgħu fil-medjokrità.
    Erġajt dort għall-ktieb. Hu ktejjeb ġdid. Ir-riħa tal-paġni għadhom jinxtammu. Hu ktieb li għadu kemm ġie mitbugħ. Qallibt fil-paġni u waqaft f’kapitlu li t-titlu tiegħu hu: ‘Emmen il-verità’.
    La tabbanduna l-fatti tabbanduna l-libertà’ iddettat l-ewwel sentenza. ‘Jekk xejn mhu minnu, mela ħadd ma għandu jikkritika l-poter, għax ma jkunx hemm għalfejn tagħmel hekk. Meta l-verità jingħad li mhix minnha, mela r-realtà tispiċċa f’xenarju ta’ reċta u min hu kapaċi jagħmel triq fil-baħar bi flusu, tant li jagħmik bid-dija li joħloq, għax jingħad mod u jwettaq mod ieħor’. Kważi xraqt fil-belgħa te li kont għadni kemm xrobt.
    Poġġejt it-tazza fuq il-plattina u komplejt naqra: ’Wieħed jaqa’ għat-tirannija meta ma jaċċettax id-differenza bejn dak li hemm bżonn jisma' u l-fatti attwali. Meta r-realtà ma tiġix aċċettata, is-sens ta’ kunfidenza żejda jneffaħ lil dak li jkun, b’riżultat li l-individwalità tal-persuna titgħarraq. Hu dan li jwassal għall-kollass ta’ kwalunkwe sistema politika fejn l-individwaliżmu jispikka.’ Spiċċajt b’għoqda fi ġriżmejja.
    Fil-pront fit-tablet li kont qed nittajpja telgħa messaġġ. Is-soltu l-kurżità ma tegħlibnix. Ftaħtu.
     

    “In the big lie there is always a certain force of credibility; because the broad masses of a nation are always more easily corrupted in the deeper strata of their emotional nature than consciously or voluntarily; and thus in the primitive simplicity of their minds they more readily fall victims to the big lie than the small lie, since they themselves often tell small lies in little matters but would be ashamed to resort to large-scale falsehoods. It would never come into their heads to fabricate colossal untruths, and they would not believe that others could have the impudence to distort the truth so infamously. Even though the facts which prove this to be so may be brought clearly to their minds, they will still doubt and waver and will continue to think that there may be some other explanation.”
    Ftaħt il-messaġġ li bagħtet l-istess persuna wara dan li għadni kemm qrajt. Donnu min bagħtu ma riedx jgħidli mill-ewwel min kien stqarr dak il-kliem.
    Hitler, A. (1925/27). Mein kampf (M. Roberto, Trans.). Independently Published, pp. 172-173
    Tħassibt… u qomt b’ħeffa minn fuq il-mejda, mifxul.
    Għalaqt il-ktejjeb li kelli. Kien jismu: On Tyranny. Twenty lessons from the Twentieth Century.
    Mort inħallas. Inġbart u tlaqt għad-direzzjoni li ridt.
    Naħdmu u naslu. Hemm ħafna x’ngħożżu. Il-ħajja hi sabiħa u kkulurita.