La ma tolqotx lili, niġi naqa’ u nqum!

    Miguela Xuereb

    Forsi qatt daqs dan iż-żmien ma sirna konxji kollettivament ta’ kemm aħna magħqudin ma’ oħrajn. COVID-19, aktar minn pandemiji oħra, laqat fil-laħam il-ħaj lil kulħadd, kullimkien – f’postijiet u għal ċertu kategoriji, aktar minn oħrajn. Żgur irridu mmorru lura għan-‘normal’?

    Min ikun attent għal dak li qiegħed jiġri f’pajjiżi oħra ta’ spiss jisma’ li hemm xi epidemija f’pajjiż jew ieħor. Spiss tisma’ b’diżastri naturali imma wara ftit żmien jintesew u minn headlines fl-aħbarijiet kollha għal ftit ġranet jew sigħat, wara ftit, jispiċċaw fil-paġni minsija tal-Istorja. Kemm għax nitilfu l-interess, kemm għaliex xi storja oħra tieħu preċedenza: sakemm ma tolqotniex fil-laħam il-ħaj niġu naqgħu u nqumu. Il-COVID-19 għalissa għadu qed joqrosna.

    Iżda fuq kollox il-mantra li nisimgħu ħafna (u allura nirrepetu kultant bla ma naħsbu) hi li rridu naħdmu biex immorru lura għan-‘normal’. Donnu din kienet fażi, li aktar ma’ tgħaddi malajr aħjar, għaliex konna sejrin tajjeb u tħassrulna l-pjanijiet.

    Kullħadd jara tiegħu. Dibattitu sħiħ dwar jekk hix ġejja t-tieni mewġa jew le, jekk in-numri hux qed jiżdiedu għax donnu rrilassajna. Fir-realtà hemm ħafna tbatija li għadha moħbija f’pajjiżna stess u din mhix kwistjoni ta’ biża’ u babaw.

    Lura għan-normal?

    Ħafna qed isejħu r-realtà li qegħdin ngħixu bħala ‘normalità ġdida – new normal’. Imma verament irridu mmorru lura għal dak? Hawn min qiegħed jittama li nerġgħu lura għan-‘normal.’ Imma konxji jekk il-mod kif konna qegħdin ngħixu kienx stil tajjeb ta’ ħajja?

    Matul din il-ġimgħa (bejn is-16 u l-24 ta’ Mejju) qed tiġi ċċelebrata l-Ġimgħa tal-Laudato Sì. Matul din il-ġimgħa qed titfakkar l-Enċiklika Laudato Sì (Tkun imfaħħar int) li l-Papa Franġisku kiteb ħames snin ilu. Aktar milli anniversarju ta’ dokument hemm aktar fuq xiex naħsbu.

    Il-qalba ta’ Laudato Si hu l-għarfien li d-dinja ta’ madwarna hi d-dar komuni tagħna u li b’mod jew b’ieħor kollox hu marbut flimkien.

    Il-qalba tad-dokument tal-Papa Franġisku mhix xi teoloġija maqtua mir-realtà imma l-għarfien li aħna parti integrali mir-realtà ta’ madwarna. L-ekoloġija ta’ madwarna mhix sempliċiment is-siġar, il-ħxejjex, l-ambjnet u l-annimali ta’ madwarna. L-ekoloġija hi l-azzjonijiet, it-teknoloġija, id-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi tagħna.

    Dan iż-żmien ġiegħlna naħsbu fuq ir-ritmu tal-ħajja tagħna, fuq il-veloċità li ngħixu biha? Hu verament bżonjuż li niġru l-ħin kollu, ta’ kuljum, minn ħaġa għall-oħra qisna qegħdin f’kompetizzjoni mar-riħ? Hi l-ħajja li hi mgħaġġla jew aħna li kkonvinċejna ruħna (għax kulħadd jgħidilna) li kollox fast forward?

    Żgur irridu mmorru lura għall-ħajja ‘normali’ fejn kollox hu użat b’mod funzjonali – kollox irid ikollu funzjoni u prezz inkella jkun bla valur? Kemm konna naprezzaw sempliċiment birra mal-ħbieb, passiġġata liberament mingħajr ma’ toqgħod tkejjel id-distanzi?

    Żgur irridu mmorru lura għall-ħajja ‘normali’ fejn kollox jiġi użat għall-interessi personali tiegħu u ninsa li qabli kien hemm minn ħallili ħafna ġid u jien obbligat ntejbu għal dawk ta’ warajja? Żgur li rridu mmorru lura għall-ħajja ‘normali’ fejn il-ħniżrija għall-flus ta’ ftit ġelitna nikkuntentaw irwieħna bil-loqom li jaqgħu minn fuq il-mejda? La qed ingawdi xi ħaġa jien, niġi naqa’ u nqum.