L-użu rikreattiv tal-kannabis

    ​L-elezzjoni ta’ Ġunju 2017 ġabet magħha suġġett għad-diskussjoni: il-possibiltà tal-leġislazzjoni tal-kannabis għall-użu rikreattiv. Id-diskussjoni per se għadha trid tirranka imma l-artikli diġà bdew jimlew il-paġni tal-ġurnali lokali.
    Jien li ħdimt għal snin sħaħ fis-settur tad-dipendenzi fuq is-sustanzi għandi opinjoni li żgur hemm l-influwenzi ta’ dak li rajt u smajt u esperjenzajt ma min għadda minn dawn is-sitwazzjonijiet. Allura nammetti qabel xejn li għandi bias.
    Imma xorta xtaqt nagħmel ftit argumenti li nemmen li għandhom jitpoġġew fuq il-mejda sabiex kollox jiġi studjat sew qabel ma nieħdu pożizzjoni. Nittama ukoll illi l-professjonisti f’dan il-qasam jew f’oqsma relatati mill-qrib mas-suġġett, li għandna madwarna jkunu jistgħu jagħtu l-opinjoni infurmata tagħhom wara li għamlu snin jistudjaw u janalizzaw sustanzi varji fosthom il-kannabis. Studji minn professjonisti Maltin huma kkwotati fil-litteratura internazzjonali – u nispera li ma jiġrilniex bħal Kristu, li l-inqas li għarfuh kienu ta’ madwaru.
    Issemmà l-argument ekonomiku, jiġifieri li l-fatt li din is-sustanza hija illegali, din qed twassal sabiex tinbiegħ b’forma ta’ kuntrabandu, u għalhekk il-ħafna qliegħ involut qed imur għand il-kriminali. Mal-ewwel daqqa t’għajn dan jagħmel is-sens, imma bi ftit ħsieb ieħor nistaqsi: it-tabbakk li kif jintqal f’dawn id-diskussjonijiet huwa legali, xorta jiġbed lejh ċertu llegalitajiet. Kemm il-darba smajna fl-aħbarijiet li uffiċjali tad-dwana qabdu kontejners sħaħ mimlijin bis-sigaretti. L-istess irid jingħad dwar l-alkoħol – sustanza legali oħra li ssibha mingħajr ebda diffikultà u xorta jsir il-kuntrabandu biha. L-unika konklużjoni li nasal għaliha jien huwa li l-fatt li l-oġġett/sustanza hija legali u tista tinstab faċli mhu l-ebda garanzija li se jinqatà l-bejgħ tagħha llegali.
    Inqajjem issa l-punt dwar l-użu rikreattiv. Eżattament xi jfisser dan? Nerġa nirreferi għal esperjenzi passati tiegħi. Fost il-ħafna nies li ltqajt magħhom li għaddew minn xi programm għal min ikun sar dipendenti minn sustanzi, qaluli li meta l-effett tal-kannabis indara, fittxew xi ħaġa aktar qawwija. Dan huwa sentiment ta’ nies li saru dipendenti u allura mhux se napplika dan ir-raġunar għal kulħadd, imma lanqas ma jista’ jiġi njorat fid-diskussjonijiet nazzjonali. Naf ukoll, li hawn oħrajn li qatt m’użaw xejn ħlief il-kannabis u qatt ma saru dipendenti b’mod li fittxew l-għajnuna.
    Biss ma tistax issir din id-diskussjoni fuq l-użu rikreattiv tal-kannabis u ma nindirizzawx l-aspett ħafna aktar wiesa’ li l-postijiet ta’ rikreazzjoni għaż-żagħżagħ huwa limitat ħafna. Ingergru għax żgħażagħ żgħar immorru f’postijiet fejn jinbiegħ ix-xorb u jabbużaw minnu, imma x’qed isir f’dan ir-rigward? Forsi l-użu tal-kannabis b’mod rikreattiv huwa parti minn din is-soluzzjoni?
    L-effett tal-użu tal-kannabis u s-saħħa mentali huwa aspett ieħor li jrid ikun diskuss fil-fond. Illum l-istatistika lokali turina li wieħed minn kull erba’ jesperjenza sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ saħħa mentali. Nistaqsi: il-legalizzazzjoni tal-kannabis se żżidhom dawn in-numri? Għandna riċerka fuq ir-relazzjoni bejn l-użu tal-kannabis u l-psikosi u allura nistenna li din tiġi ndirizzata.
    Nirrikonoxxu li diġà sar progress għaliex fejn sa ftit snin ilu jekk xi ħadd kien jinqabad anke b’ammont għal użu personali kien jintbgħat il-ħabs, dan m’għadux il-każ.  Il-ħabs żgur mhux parti mis-soluzzjoni. Id-distinzjoni bejn min juża s-sustanza u min jittraffika hija importanti ħafna. Imma min jużaha jekk ma jkabbariex hu, bilfors li jrid ifittex lit-traffikant ħalli jixtriha. Min jaf jekk bejgħ ikkontrollat jistax ikun parti mis-soluzzjoni!
    Min-naħa l-oħra, poplu matur jippreferi li jgħix f’soċjetà libera fejn ikun hu li jagħżel x’jieħu u x’juża u mhux jiddeċiedi l-Istat għalih. Biex inkompli b’dan l-argument, għalkemm it-tabakk u l-alkoħol ilhom fis-suq għal snin kbar, mhux kulħadd spiċċa dipendenti fuqhom. Grazzi għal fatturi varji, fosthom l-edukazzjoni.
    Jidher ċar li jrid jinstab bilanċ delikat ħafna iżda jidher ukoll li, jkun aktar għaqli li nistudjaw aktar x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi u l-effetti, sabiex nassiguraw li jekk ser immorru għal tibdil dan ikun ibbażat fuq ir-riċerka.