L-onorevoli diżonorati

    Meta tqis l-imġiba ta’ bosta membri parlamentari tagħna tinduna li ftit li xejn kien hemm onorabilità fl-azzjonijiet tagħhom f’dawn l-aħħar snin. Aktar jixirqilhom it-titolu ta’ ‘diżonorati’. Jew inkella ‘diżonoranti’ għax jagħmlu diżunur lill-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna u lilna lkoll.

    Jiġuk f’moħħok mill-ewwel Joseph Muscat u Konrad Mizzi, li onoveroli fl-azzjonijiet tagħhom ma fadal xejn, jekk qatt kien hemm. Fl-2019 Muscat saħansitra ġie magħżul mill-OCCRP bħala l-bniedem tas-sena għall-kriminalità organizzata u għall-korruzzjoni. Dak unur! Jiftaħar li taħtu ġie solvut każ ta’ assassinju maġġuri, filwaqt li jipprova jnessina li kien taħtu biss li nqatlet ġurnalista f’Malta. Jipprova jnessina li l-fatt li hu u sħabu ħatfu u pparalizzaw l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna fisser li kien sar ferm aktar faċli li Daphne Caruana Galizia tinqatel, tant li dan l-aħħar fil-qorti smajna recording sigriet tal-allegat mandant tal-assassinju fejn dan tal-aħħar jgħid li bil-Partit Laburista fil-gvern kien iħossu protett.

    Hu evidenti li kemm Muscat kif ukoll Mizzi qed jagħżlu li jibqgħu jżommu l-kariga tagħhom ta’ deputati parlamentari sempliċement biex jipproteġu lilhom infushom. Dan m’hu xejn ħlief rikatt lejn dak li fadal mill-Istat Malti. L-istess rikatt li kien prova jagħmel prim imħallef Malti diżonorat, li ppretenda li ma jirriżenjax minn prim imħallef waqt li kien investigat mill-pulizija. Dawn l-individwi jagħmluha ferm aktar diffiċli biex l-istituzzjonijiet tal-Istat jagħmlu xogħolhom. Għax jeħtieġ ferm aktar kuraġġ biex tinvestiga lil min qiegħed f’pożizzjoni ta’ poter milli lil min mhux. U l-konsegwenzi tal-fatt li jittieħdu passi kriminali huma ferm aktar serji u umiljanti għall-pajjiż meta l-persuna konċernata tkun għadha tokkupa kariga pubblika.

    Iżda d-diżunur mhux limitat għal tnejn jew tliet deputati. Xejn ma żammu mill-unur li għandu jkollhom dawk id-deputati tal-gvern li mill-2013 ’il quddiem bħala backbenchers suppost skrutinizzaw l-operat tal-eżekuttiv iżda daħlu kunflitt ta’ interess billi aċċettaw kariga mal-gvern. Hu evidenti li dan wassal biex illum il-ġurnata ma hemm l-ebda backbencher tal-gvern li qed jaqdi l-funzjoni ewlenija tiegħu li jħares b’lenti kritika lejn l-azzjonijiet u l-ommissjonijiet tal-poter eżekuttiv. Abdikaw mir-responsabilità li kienu fdati biha mill-elettorat. L-aqwa li jħaxxnu bwiethom. X’jimpurthom mid-doveri tagħhom lejna ċ-ċittadini? X’jimpurthom mill-fatt li b’riżultat ta’ għemilhom pajjiżna ser jitpoġġa fuq il-lista l-griża mill-Moneyval ftit xhur oħra, bil-konsegwenzi kollha li dan ser iġib miegħu?

    U xi ngħidu għall-membri tal-grupp parlamentari laburista li wara li faqqa l-iskandlu tal-Panama u nkixfu tant oxxenitajiet oħra, xorta waħda baqgħu jappoġġjaw bil-vot unanimu tagħhom fil-parlament lill-individwi li l-Maltin kollha jafu li abbużaw bil-kbir u kasbru isem Malta? Għaliex kien biss ftit tal-jiem ilu li neħħew minn fosthom lil Konrad Mizzi u sadanittant ippermettewlu jagħmel tant ħsara? U għaliex qed jagħtuna x’nifhmu li għandna nikkuntentaw bl-esklużjoni tardiva ta’ Mizzi mill-grupp parlamentari u mhux qed jiżguraw li l-puliżija timxi miegħu fik titlob il-liġi? U għaliex ma warrbux minn fosthom lil Joseph Muscat ukoll?

    Dawn l-onorevoli insew li għandhom ikunu ta’ eżempju għall-kumplament tal-Maltin. Mhux talli raqqdu l-kuxjenzi tagħhom, iżda talli raqqdu l-kuxjenza tal-pajjiż. Imponew fuqna lkoll sens ta’ amoralità. Xejn m’għadu jitkejjel skont jekk hux sew jew le, lanqas jekk hux veritjier jew le. Għax bis-saħħa tal-40,000 min jista’ għalina?

    Jeżistu kunċetti differenti ta’ unur. Għal uħud l-unur ifisser is-silenzju, l-omertà, li ma tikkoperax mal-awtoritajiet tal-Istat. Nixtieq naħseb li dan mhux il-każ tal-parlamentari tagħna.

    Robert Aquilina, President-Elett, Repubblika