L-NGO Repubblika tagħti appoġġ biss lis-sewwa

    Ritratt minn Miguela Xuereb

    Li jgħidu li aħna tal-NGO Repubblika, aħna “grupp żgħir ta’ nies” mhux ħaġa ġdida. Sejħulna “erba’ qtates” u “erba’ anarkiċi”. Veru, aħna m’għandniex la partit, la mezzi ta’ xandir, la finanzjamenti min xi imprenditur, u kulħadd jaf li aħna ma nistgħu nwegħdu xejn, ħlief il-ġlieda favur il-verità u l-ġustizzja. Li aħna organizzazzjoni li għandha biss ftit aktar minn sena minn meta nħolqot, ma jdejjaqna xejn. Anzi, għall-kuntrarju, aktar iqawwina u jsaħħaħna fil-viżjoni li aħna għandna għal pajjiżna: soċjetà li taħseb b’moħħha u li tifhem li kull wieħed u waħda minna għandu jkollu sehem fil-mod kif titfassal il-politika.

    Ma nistgħux nibqgħu naċċettaw l-idea li sehemna hu biss li mmorru nivvutaw fl-elezzjoni ġenerali u mbagħad għal ħames snin sħaħ qisna ma neżistux. Il-mod kif titħaddem il-politika għandha tinteressa lil kulħadd u kulħadd għandu jkollu d-dritt li jsemma’ leħnu. B’dan il-mod biss nistgħu ngħixu f’pajjiż li jista’ jissejjaħ tassew demokratiku.

    Qalulna wkoll li ma nirrappreżentaw lil ħadd. Forsi din il-frażi hi l-verità għaliex aħna m’aħna marbuta ma’ ħadd. Aħna nemmnu fil-libertà tal-kelma, fil-libertà tal-ħsieb, fil-libertà tal-azzjoni, dejjem jekk dawn jiġu mħaddma skont dak li hu sewwa u ġust. Aħna għandna moħħ u bi ħsiebna nużawh biex nikkundannaw lil min irid jostakola l-verità u l-ġustizzja.

    Dak li ħafna nies għadhom ma jistgħux jifhmu hu li Repubblika ma trid il-voti ta’ ħadd u m’għandha l-ebda intenzjoni li taġixxi b’xi mod biex tingħoġob la minn gvern, l-anqas minn oppożizzjoni u lanqas minn xi awtoritajiet oħra.

    Aħna nies ħielsa u hi proprju din ir-raġuni li ma nistgħux naċċettaw il-ftehim bejn il-gvern u l-oppożizzjoni dwar ir-riformi tal-ġudikatura. Is-soċjetà ċivili għandha kull dritt li tieħu parti fid-diskussjoni qabel ma jsiru riformi bħal dawn. U jekk il-gvern qed jipprova jagħlqilna ħalqna, il-Kummissjoni Venezja ma taħsibhiex bħalu u se tkun qed tagħti leħen lil min il-gvern qed jipprova b’kull mezz li jelimina.

    Sfortunatament dan hu gvern li minflok jipprova jinvestiga biex jiċċara u jsolvi fejn ikun hemm allegazzjonijiet ta’ skorettezzi, jibża’ bħallikieku hu ġa nstab ħati. Jekk aħna nitolbu ċarezza dwar il-ftehim tal-gvern dwar l-isptarijiet pubbliċi li ngħataw lill-privat, jekk irridu nkunu nafu tassew ta’ min hi Egrant, jekk irridu li nifhmu x’kien eżatt il-ftehim dwar il-power station, jekk irridu inkun nafu l-involviment tal-eks Prim Ministru, taċ-Chief of Staff tiegħu u ta’ diversi ministri, ma jfissirx li dawn se jispiċcaw għomorhom il-ħabs, jekk għandhom qalbhom “safja”.

    Ħafna drabi aħna niġu akkużati li aħna antagonisti lejn dak kollu li hu konness mal-Partit Laburista. Ma naħsibx li hu tort tagħna jekk dan il-Partit li fil-passat kellu storja ta’ partit b’viżjoni soċjalista li jaħseb fil-fqir u l-batut, u li issa sar partit tal-imprendituri l-kbar, tal-iskandli u tal-korruzzjoni. Aħna l-iskandli u l-korruzzjoni ma rridux u ma nistgħux naċċettawhom. U għalhekk, għalkemm aħna ma nirrappreżentaw lil ħadd, meta ddeċidejna li nsejħu protesti nazzjonali, in-nies wieġbu għas-sejħa tagħna u ġew bl-eluf kbar. Għaliex għalkemm hu veru li l-korruzzjoni u l-flus jagħmu ħafna nies, hawn bosta Maltin li jridu li ssir ġustizzja u ssir magħrufa l-verità.

    Is-soċjetà ċivili hi lesta biex tibqa’ dejjem tagħmel pressjoni, ikun min ikun hemm fil-gvern, biex pajjiżna ma jibqax maħkum mill-politiċi li jaħsbu li dak li jiddeċiedu huma, hu bi dritt tajjeb għal kulħadd.

    Repubblika ma tridx li ssir parti minn partit politiku. L-għan tagħha hu u jibqa’ dejjem li tgħasses fuq il-partiti u l-istituzzjonijiet mill-qrib u tfakkarhom li huma għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għal dak li jgħidu u jagħmlu, u li s-soċjetà ċivili se tkun dejjem hemmhekk biex tara li jiġu mħarsa s-saltna tad-dritt, il-verità u l-ġustizzja.

    Marion Pace Asciak hija membru ta’ Repubblika