L-MEPs Nazzjonalisti jmisshom jistħu!

    Tal-mistħija kif it-tliet Membri Nazzjonalisti tal-Parlament Ewropew ivvotaw kontra pajjiżhom f’riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-saltna tad-dritt f’Malta. Meta qrajt dak li tgħid ir-riżoluzzjoni ġibt għajnejja wara widnejja! – Qed tippreżenta stampa ta’ Malta li hija ferm bogħod mir-realtà.

    Madankollu, l-aktar li dejjaqni ma kienx x’qalu ħafna membri tal-Parlament Ewropew għax dawk issa drajnihom u l-maġġoranza tal-Maltin jiġu jaqgħu u jqumu mill-opinjoni tagħhom. Li dejjaqni tassew kien il-fatt li MEPs eletti biex jiddefendu lil pajjiżna u jaħdmu kemm jifilħu biex mal-barranin ikollu isem tajjeb, għal darb’oħra reġgħu għamlu bil-kontra u ħadmu kontra pajjiżna.

    Il-politiku Amerikan Carl Schurz (1829-1906) kellu espressjoni li saret famuża: “My country, right or wrong; if right, to be kept right; and if wrong, to be set right.”  Din l-espressjoni patrijottika tfisser li int dejjem għandek taqbeż għal pajjiżek. Jekk pajjiżek għandu raġun, tipproteġi l-pożizzjoni korretta tiegħu; jekk għandu tort, tirranġa s-sitwazzjoni imma dejjem b’mod li tipproteġi l-isem tajjeb ta’ pajjiżek. U mela tmur u tħammeġ l-isem ta’ pajjiżek bħalma għamlu l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti!

    Tibżgħu xejn, il-25 ta’ Mejju jasal u dakinhar ir-risposta jieħduha mingħand il-poplu Maltu u Għawdxi.