L-istudju tax-Xjenza, Teknoloġija, tal-Inġinerija u l-Matematika

    Hawn ħafna enfasi sabiex aktar bniet ikunu mħajra jistudjaw suġġetti bħal ma huma dawk li bl-ingliz jissejħu STEM (Science, Technology, Engineering and Mathematics) sabiex il-mara aktar u aktar issib postha fuq il-post tax-xogħol u f’karigi ta’ responsabbilta u tmexxija.
    Fil-passat kien hawn min kien jiskoraġġixxi lil bniet jew tfajliet sabiex jistudjaw dawn is-suġġetti bl-iskuża li dawn huma suġġetti diffiċli u mhux għat-tfajliet. Dal-ħsieb kien ġej mill-fatt li l-mara ma kienetx meqjusa li mentalment kienet kapaċi daqs ir-raġel u li forsi moħħha  ma jwassalx. Kien hemm min jemmen li l-moħħ tal-mara u tar-raġel huma differenti. Illum nafu li dawn id-differenzi huma aktar prodott tas-soċjeta inkella tal-kapaċita mentali ta’ wieħed jew l-oħra.
    Bejn l-10 u t-12 ta’ Novembru Malta laqghet il-fuq minn elf mara għall-konferenza tas-Soroptimist International – Great Britain and ireland (SIGBI) li kellha t-titlu ‘Engineering the Future’. Biex wieħed jifhem aħjar Soroptimist International hija għaqda ta’ nisa professjonisti imxerrda mad-dinja kollha (f’132 pajjiż u b’aktar minn 75,000 membru) u li fiha erba’ federazzjonijiet – dik tal-Gran Brittanja u l-Irlanda, dik tal-kontinenti tal-Amerika ta’ fuq u t’isfel, tas-South West Pacific u dik tal-Ewropa. Malta ukoll hija membru ta’ din l-għaqda u tagħmel parti mill-federazzjoni tal-Gran Brittanja u l-Irlanda. Dan huwa sempliċiment riżultat ta’ kif u meta f’Malta twaqqfet il-fergħa lokali.
    Il-konferenza tesponi kelliema li fil-qasam tagħhom għamlu suċċess u għalhekk iservu ta’ mudelli għal nisa oħra. It-titlu li jingħażel għall-konferenza jirrifletti s-suġġett li se jkun diskuss. Minħabba li l-President, Dr Margaret Emsley, li temmet it-tmexxija tagħha fl-aħħar ta’ din il-konferenza hija Civil Engineer, għażlet hi t-tema tal-konferenza u xtaqet li issir enfasi fuq dawn is-suġġetti sabiex il-mara dejjem aktar tavanza.
    Kien hawn kelliema distinti. Se nsemmi b’aktar dettal dawk li tkellmu fuq is-suġġetti tax-xjenza fosthom:

    • il-Professur Sue Ion li hija inġinier u esperta fl-industrija nuklejari. Bdiet il-karriera tagħha mal-British Nuclear Fuels Ltd fl-1979. Illum hija il-Viċi President tar-Royal Academy of Engineering u Visiting Professor tal-Imperial College, Londra. Kienet l-ewwel mara li ngħatat il-President’s Medal, wieħed mill-għola unuri tar-Royal Academy of Engineering.
    • Helen Sharman li hija xjenzat u astronawta. Kienet l-ewwel persuna Ingliża li marret fl-ispazju fuq il-vettura spazjali Soyuz u ħadmet fuq il-MIR Space Station. Illum minbarra li taħdem fix-xjenza, Helen ukoll iddur mar-Renju Unit sabiex dejjem tħajjar aktar tfajliet jistudjaw ix-xjenza.
    • Dave Coplin li huwa iċ-‘Chief Envisioning Officer’ tal-Microsoft. Id-dinja ta’ Dave hija dil tat-teknoloġija. Iżda l-enfasi tiegħu hija li jeduka kif it-teknoloġija tista tagħmlilna ħajjitna aktar faċli. Spjega li sfortunatamnet li jara madwaru hu li qed nużaw it-teknoloġija fuq l-istess mudell ta’ kif konna naħdmu qabel u allura mhux qed nibbenefikaw minnha kif suppost.

    Kelliema oħra kienu:
    Bandana Rana minn Nepal li ilha għal aktar minn 25 sena taħdem kontra l-vjolenza fuq in-nisa f’pajjiżha. Steve Arthur li huwa ukoll Civil Engineer u li ħadem għall-aktar minn 25 sena fl-industrija tal-ilma u b’mod volontarju mal-WaterAid. Minn Malta tkellmet Sara Ezabe Malliue, studenta tal-liġi fl-Univerista ta’ Malta u attivista fil-qasam tal-inklużżjoni soċjali.
    L-importanza tax-xjenza fil-ħajja tal-llum deheret ċara fil-konferenza. Tqajjmu ħafna risflessjonijiet fosthom kemm huwa neċċessarju li nevalwaw kif tiġi mgħallma x-xjenza. Ix-xjenza mhix fil-laboratorji biss imma, fil-fatt qed  nużawha fil-ħajja ta’ kuljum.  Dan minbarra l-fatt li persuni b’ċertu diffikultajiet fiżiċi sabu ix-xjenza, t-teknoloġija u l-inġinerija sabiex jkunu jistgħu jgħixu ħajja aktar faċli u komda.