L-istituzzjonijiet tagħna wkoll

    Ftit tal-jiem ilu l-Ministru Edward Żammit Lewis stqarr li l-gvern li minnu hu jifforma parti għandu bħala wieħed mill-għanijiet prinċipali tiegħu r-rikonċiljazzjoni nazzjonali. Dawn il-kliem tawni l-impressjoni li qiegħed ngħix f’pajjiż diffrenti minn dak tal-ministru.

    Fakkruni f’ċirkustanza fl-Italja fejn tassew kien hemm min kien qiegħed jaqta’ bi snienu biex tinkiseb rikonċiljazzjoni nazzjonali. Wara li f’Ġunju tal-1946 il-maġġoranza tal-Poplu Taljan ivvota f’referendum sabiex tkun abolita l-monarkija, il-mexxejja tal-partiti politiċi ewlenin riedu jaqblu dwar persunaġġ li kellu jkun propost minnhom biex jiġi elett l-ewwel President ta’ l-Italja Repubblikana. Mill-ewwel ftehmu fuq żewġ kriterji li kellhom jiddeterminaw l-għażla tagħhom.

    L-ewwelnett, ftehmu li din kellha tkun persuna li kienet magħrufa pubblikament li qabel ir-referendum kienet favur li tinżamm il-monarkija. It-tieni, peress li l-maġġoranza tal-votanti tat-tramuntana kienet ivvutat biex l-Italja ssir repubblika, filwaqt il-maġġoranza tal-votanti tan-nofsinhar kienet ivvutat biex tinżamm il-monarkija, kien hemm qbiel li l-ewwel kap tal-istat repubblikan kellha tkun persuna min-nofsinhar. Fi kliem sempiliċi, qablu li l-kap tal-istat kellu jkun wieħed mit-telliefa, mill-minoranza. Fil-fatt bħala l-ewwel President ta’ l-Italja ġie elett Enrico De Nicola, Avukat Naplitan li kien magħruf għas-sentimenti monarkiċi tiegħu.

    Dan kien l-għaqal ta’ mexxejja politiċi li l-għada ta’ rebħa elettorali storika ma ħallewx il-poter jitlalhom għal rashom. Minflok fittxew l-għaqda u l-interess nazzjonali. Għaliex l-istituzzjonijiet nazzjonali mhumiex tal-maġġoranza biss, iżda huma ta’ kulħadd.

    Lura f’Malta, f’dan il-mument m’hawnx bżonn ta’ rikonċiljazzjoni nazzjonali, għaliex m’aħnix ħerġin minn xi gwerra ċivili. Iżda hawn bżonn kbir li d-diskors u l-azzjonijiet tagħna jirrikonċiljaw ruħhom mal-verità tal-fatti.

    Ibda biex, ilkoll irridu nirrikonoxxu li għal snin ġejna iggvernati minn persuni li huwa evidenti li, fl-aħjar ripotesi, kienu ħaġa waħda ma’ kriminali li raw kif ħelsu minn ġurnalista skomda. Kerha kemm hi kerha din ir-realtà, irridu ngħarfuha formalment u naddattaw kliemna u l-azzjonijiet tagħna biex ikunu jirriflettu dan il-fatt ta’ importanza fundamentali.

    It-tieni, irridu nirrikonoxxu li dak li t-Taljani jirreferu għalih bħala ‘il senso dello Stato’ għosfor totalment mill-vokabolarju u mill-għażliet tal-gvernijiet li kellna minn Marzu 2013 ’il quddiem. L-azzjonijijiet tal-prim ministru Joseph Muscat u l-maġġoranzi parlamentari tiegħu fil-konfront ta’ l-istituzzjonijiet nazzjonali, l-iktar il-ġudikatura, il-korp tal-pulizija u l-FIAU, kienu partiġjani u xi kultant agħar minn hekk.

    Minn meta Joseph Muscat rifes l-għatba ta’ Kastilja, għamilha punt li jimla’ il-maġġor parti tal-postijiet vakanti fil-ġudikatura abbażi tal-qrubija tal-individwu mal-partit laburista. Dan hu fatt magħruf u dokumentat.

    Issa wasalna fil-punt li mill-ġdid inbiddlu r-regoli li bihom jingħażlu l-maġistrati u l-imħallfin tal-qrati tagħna. Il-gvern ser ikollu jieħu dan il-pass għax hu obbligat jagħmel hekk minn istituzzjonijiet internazzjonali.

    Biex tassew inkunu nistgħu ngħidu li r-riforma tal-ġudikatura tkun waħda li tirrefletti l-fatt li l-ġudikatura, bħall-istituzzjonijiet nazzjonali l-oħra, huma tal-Poplu Malti kollu, u tassew tkun waħda li tiggarantixxi li jkollna ġudikanti li jkunu, u jidhru li jkunu, indipendenti u imparzjali, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li jkunu sodisfatti tlett rekwiżiti:

    1. Il-metodu li bih issir ir-riforma jrid ikun wieħed trasparenti u parteċipattiv. Għalhekk jeħtieġ li s-soċjetà ċivili tingħata l-opportinità li tkun konsultata b’mod effettiv u parteċipattiv, u mhux sempliċiment tgħid jekk taqbilx jew le mar-riforma meta din tkun diġà fatt kompjut;
    2. L-ikbar piż fil-ħatra ta’ membri ġodda tal-ġudikatura għandu jingħata lill-ġudikanti innifishom. B’hekk biss jista’ jiġi garantit li l-ġudikatura tkun indipendenti mill-gvern; u
    3. Il-metodu magħżul għall-ħatra ta’ ġudikanti għandu jqis il-fatt li s-sistemi li kellna s’issa f’dan ir-rigward kienu miftuħa għall-abbuż, u ċertament ġew abbużati mill-2013 ’il quddiem b’ħatriet partiġġjani.

    Sena ilu konna wissejna lill-prim ministru u lill-ministru għall-ġustizzja biex ma jwebbsux rashom u jappuntaw maġistrati u imħallfin ġodda b’metodu li l-Kummissjoni ta’ Venezja kienet stabbilit li ma kienx xieraq lil pajjiż demokratiku. Dakinhar Joseph Muscat u Owen Bonniċi webbsu rashom u għamlu affarihom. Kulħadd jaf x’ġara b’effett ta’ dik id-deċiżjoni. Sena wara qed ngħidu lil Robert Abela u lil Edward Żammit Lewis li r-riforma tal-ħatra tal-ġudikatura jeħtieġ li tkun waħda ġenwina, trasparenti u parteċipattiva. Fejn inkunu sena oħra f’dan il-qasam jiddependi minn jekk illum l-azzjonijiet ta’ Robert Abela u Edward Żammit Lewis ikunux jirriflettu l-fatt li l-istituzzjonijiet nazzjonali mhumiex tagħhom biss, iżda huma tagħna wkoll.

     

    Dr Robert Aquilina huwa l-President-Elett ta’ Repubblika