L-istipendji huma l-futur tagħna!

    L-istipendji huma suġġett jaħraq ħafna, speċjalment f’dan il-perjodu partikolari ta’ kampanja elettorali. Wara li fil-passat rajna taqlib sħiħ dwar l-istipendji, b’saħansitra l-istudenti joħorgu jipprotestaw wara li dawn kienu nbidlu f’self ta’ flus, issa qegħdin għall-ewwel darba nesperjenzaw lil-partiti politiċi kollha jaqblu dwar l-importanza tal-istipendji.

    Pero din id-darba l-attakk fuq l-istipendji wasal xorta, din id-darba minn ċerti professjonisti jew opinjonisti lokali. Hemm ħafna spunti li wieħed jista’ jidħol fuqhom, pero dejjem nibdew mil-punt kardinali li l-istipendji huma investiment dirett u skjett fil-futur ta’ pajjiżna. Bħala effetti immedjati l-istipendji jagħtu dak l-inċentiv finanzjarju lill-istudenti jkomplu jistudjaw, filwaqt li jtaffu xi ftit il-piż fuq il-familji. Meta nħarsu fit-tul fuq medda ta’ snin, l-istipendji jsarrfu fil-futur tagħna, f’dawk il-professjonisti kollha li joħorġu mill-istituzzjonijiet akkademiċi ta’ pajjiżna u jidħlu fid-dinja tax-xogħol, lesti biex jaffaċċjaw l-isfidi kollha li din iġġib magħha. L-istipendji minn dejjem kienu formula ta’ success u dan bil-provi. In-numri ta’ student li qegħdin ikomplu l-edukazzjoni terzjarja qegħdin kullma jmur jiżdiedu, filwaqt li l-ammont ta’ studenti li jiggradwaw qiegħed ikompli jikber ma’ kull sena li tgħaddi.

    Meta ċertu ndividwi jdaħħlu l-istipendji f’diskorsi dwar kif qiegħed jimxi l-pajjiż finanzjarjament jew kif qegħdin jiġu mqassma l-fondi, ikunu qegħdin biss iħarsu sal-ponta ta’ mneħirom b’mod egoistiku. Kif jista’ qatt investiment fl-edukazzjoni jiġi mdawwar f’attakk sfaċċat dwar l-istudenti u l-kultura edukattiva ta’ pajjiżna. Għal dawk li jinsabu fl-industrija u ġieli attakkaw is-sistema tal-istipendji, ngħidilhom li minflok jinħlew f’dan id-diskors, aħjar jagħtu ħarsa lejhom nfushom u kif permezz tal-business tagħhom jistgħu jkomplu jikkontribwixxu lejn l-edukazzjoni.

    Nasal ukoll dwar ir-riċerka, punt ieħor kruċjali li rridu nżommu f’moħħna. Ir-riċerka hija essenzjali sabiex l-Universita’ ta’ Malta u l-edukazzjoni timxi ‘l quddiem. Irridu nkomplu nsaħħu din l-istituzzjoni li qegħda trawwimna, u dan isir permezz tal-investiment fir-riċerka. U huwa proprju hawnhekk fej ma nistgħux nerġgħu ndaħħlu l-istipendji fid-diskors. Ma jagħmel l-ebda sens illi nnaqqru mil-istipendji sabiex ntejjbu r-riċerka. L-investiment dirett fl-istudenti huwa essenzjali sabiex ikollna l-professjonisti futuri li jkunu jistgħu jikkontribbwixxu fir-riċerka. Hemm diversi modi kif l-investiment fir-riċerka jista’ jikber, minhajr dan ma jkun ta’ detriment għall-istudenti. L-ewwel u qabel kollox nsibu l-fondi pubbliċi, fej kif dejjem nisħqu lkoll li dawn għandhom jiżdiedu meta jidħol l-investiment fl-Universita’. Mbagħad nsibu wkoll l-investiment tal-privat, settur li jista’ jgħin mhux ftit lir-riċerka f’pajjiżna. Hemm diversi modi kif il-privat jista’ jagħti l-kontribut tiegħu għal dan il-għan. L-Universita’ ftit taż-żmien ilu saħansitra waqqfet fond għar-riċerka, msejjaħ ‘Research Innovation and Development Trust’ (RIDT) fej diversi setturi qed jiġu mħeġġa jagħtu l-kontribut tagħhom. Filfatt fi ftit jiem oħra, il-Ħamis 14 ta’ Frar, il-Kunsill Studenti Universitarji, se jkun qiegħed ukoll jagħti donazzjoni lil dan il-fond, sabiex nagħtu eżempju u nħeġġu aktar studenti, li ħadu t-tagħlim tagħhom ġewwa l-Universita’ jagħtu xi ħaġa żgħira lura, sabiex din l-istituzzjoni hekk importanti tkompli tiġġedded u tissaħħaħ.

    Naħseb lid-dibattitu fuq l-istipendji huwa wieħed li ser jibqa’ jissemma’ fil-futur qarib, u li se jibqa’ punt jaħraq għal dawk kollha li huma nvoluti. Li hu fiċ-ċert huwa ħaġa waħda, illi d-determinazzjoni tagħna l-istudenti li nisħqu l-importanza ta’ dan l-investiment kienet, għadha u se tibqa’ hemm, għal ġieħ il-futur tagħna u ta’ pajjiżna.

    Mario Cachia
    President, Kunsill Studenti Universitarji