L-istazzjonijiet politiċi għandhom jitneħħew?

    Bħalissa qed ikun irrapurtat fil-media li stazzjon indipendenti tal-media se jiftaħ proċeduri kostituzzjonali fil-Qorti kontra l-istazzjonijiet politiċi tal-partiti għax l-eżistenza tagħhom hija allegatament ksur tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. Dan jista’ jkun il-bidu ta’ battalja legali biex eventwalment dawn l-istazzjonijiet politiċi jkollhom jingħalqu għal kollox.

    “Hija ħaġa ċerta li l-istazzjonijiet tal-partiti joħolqu firda kbira politika fil-pajjiż”

    Naturalment, dan kollu jiftaħ dibattitu interessanti dwar jekk f’pajjiżna għandux ikollna stazzjonijiet politiċi tal-partiti. Bħalissa, kif jaf kulħadd, għandna l-istazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni tal-Partit Laburista u l-istazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni tal-Partit Nazzjonalista.

    Fl-opinjoni tiegħi, hija ħaġa ċerta li l-istazzjonijiet tal-partiti joħolqu firda kbira politika fil-pajjiż. Dan minħabba l-mod kif jirrapurtaw l-aħbarijiet, fejn hija ħaġa ovvja li l-ewwel u qabel kollox jiġi l-interess politiku partiġġjan tal-partiti politiku li jagħmlu parti minnu. Dan joħloq polarizzazzjoni politika fil-pajjiż.

    Agħar minn hekk huwa l-fatt li b’dispjaċir wieħed ma jistax ma jinnotax li parti sostanzjali tal-popolazzjoni Maltija hija totalment immatura fil-mod kif tħares lejn il-politika u mhix edukata biżżejjed biex tanalizza b’mod kritiku l-aħbarijiet u dak kollu li joħroġ mill-istazzjonijiet politiċi.

    Inkredibbli kif għadek tiltaqa’ ma’ nies, sew ta’ opinjoni Laburista u anke ta’ opinjoni Nazzjonalista, li kulma huma kapaċi jagħmlu huwa li jirrepetu, stil ta’ pappagall, dak li jkunu xandru l-istazzjonijiet politiċi. Ma ninsa qatt kif darba kont naħdem ma’ persuna li kienet tiftaħar miegħi li hi dejjem iżżomm ruħha “up to date” dwar dak li jkun qed jiġri fix-xena politika. Dan għaliha kien ifisser li kull fejn tmur u ma’ kull persuna li tiltaqa’ magħha tirrepeti, kważi kelma b’kelma, dak li jkun intqal fuq l-istazzjon politiku li kienet issegwi. Għaliha dik kienet il-verità kollha u xejn aktar. Li forsi tistaqsi jekk dak li semgħet kienx kollu minnu, jew jekk anke kienx veru, lanqas biss kienet tiġiha f’moħħha.

    Min-naħa l-oħra rridu niftakru wkoll li l-istazzjonijiet politiċi jipprovdu l-ħobża ta’ kuljum ta’ ħafna ħaddiema. Illum l-istazzjonijiet politiċi kibru u jipprovdu xogħol mhux biss għall-professjonisti tal-media bħal reporters, camera(wo)men u preżentaturi imma anke għal numru ta’ ħaddiema oħra bħal receptionists, cleaners, eċċ. Irridu nsemmu wkoll li dawn l-istazzjonijiet jixtru ħafna makkinarju relatat mal-media mingħand kumpaniji Maltin.

    Għalhekk, irridu nkunu responsabbli u qabel inparlaw dwar li ngħalqu l-istazzjonijiet politiċi, irridu naċċertaw li nipprovdu sigurtà għall-ħaddiema li jaħdmu magħhom jew li jaqilgħu l-flus minn servizzi li jipprovdulhom, għax dawn għandhom il-familji u ma jistax ikun li b’daqqa ta’ pinna jsibu ruħhom mingħajr impjieg jew b’telf sostanzjali tal-flus li jdaħħlu.

    Dan kollu juri li l-argument favur l-għeluq tal-istazzjonijiet politiċi huwa wieħed qawwi imma huwa kruċjali wkoll li kollox isir b’sens ta’ responsabbiltà, b’maturità assoluta u mingħajr għaġġla żejda. Il-ħarsien tal-impjiegi għandu jkun dejjem prijorità għal kull gvern u kull individwu, anzi nasal ngħid li huwa aktar minn prijorità għaliex huwa dmir tagħna lkoll.