L-istampa wara dawk il-biljuni kollha

    Is-summit tal-Kunsill Ewropew tal-ġimgħa l-oħra kien fuq fomm kulħadd. Din id-darba aktar minn qatt qabel għax il-mexxejja Ewropej kienu qed jiddiskutu l-boqxiex! Kemm se nonfqu, fiex, x’se nnaqqsu, x’se nżidu ,u min għandu jieħu kemm. X’aktarx nintilfu meta nibdew nisimgħu ċ-ċifri bil-biljuni, bħal qisu lanqas nintebħu xi jfissru verament.

    Imma dan mhux xi suq. Qed nitkellmu fuq l-ammonti li l-pajjiżi Ewropej lesti li jpoġġu fuq il-mejda biex jintefqu fejn jidhrilhom li hemm il-ħtieġa matul is-seba’ snin li ġejjin. Il-Kummissjoni Ewropea, li hija l-istituzzjoni li tipproponi kif għandu jitqassam il-baġit, kienet qed tipproponi żieda żgħira fl-ammont globali. Fuq kollox, kienet identitikat dawk l-oqsma li l-aktar għandna bżonn insostnu biex inwieżnu l-ekonomija Ewropea wara d-diffikultajiet li għaddejja minnhom. Kien hemm numru ta’ pajjiżi, fosthom Malta, li kienu favur din il-pożizzjoni. Min-naħa l-oħra kien hemm oħrajn li riedu li l-ammonti jibqgħu l-istess jew saħansitra jitnaqqsu. Fl-aħħar mill-aħħar instab qbil, u għall-ewwel darba l-baġit Ewropew se jsofri tnaqqis.

    Għall-Kummissjoni Ewropea – li minnha nfisha tħares l-ewwel l-interess Ewropew kollu kemm hu, u mhux l-interess ta’ xi pajjiż jew ieħor – seta’ sar sforz akbar. Il-baġit li kienet ipproponiet kien maħsub biex jgħin lill-Ewropa f’aspetti essenzjali, bħall-kompetittività tal-intrapriżi tagħha, u bħall-għajnuna lil pajjiżi aktar foqra fid-dinja.

    Ma jfissirx, però, li l-qbil li ntlaħaq ma kienx fih elementi pożittivi. Altru minn hekk. Ir-riżorsi ssaħħu f’oqsma bħar-riċerka, biex inkunu dejjem minn tal-ewwel fid-dinja li jkollna prodotti u servizzi avvanzati, u bħall-infrastruttura tal-enerġija, it-telekomunkazzjoni u t-trasport. Ma’ dawn hemm il-programmi għall-istudenti, bħall-Erasmus, u dawk maħsuba biex inaqqsu l-qgħad fost iż-żgħażagħ f’għadd ta’ pajjiżi.

    Ma ninsewx li dan kien biss pass ieħor lejn l-approvazzjoni ta’ dan il-baġit, li issa jrid isib il-kunsens tal-Parlament Ewropew, li flimkien mal-Kunsill tal-UE għandu din il-kompetenza.

    Kif qal rapport li rajt fuq l-internet matul dawk il-jumejn ta’ negozjati, il-baġit annwali tal-UE huwa inqas minn 25% tal-baġit tar-Renju Unit waħdu! Dak li jintefaq mill-gvernijiet tal-pajjiżi nfushom huwa ħamsin darba aktar minn dak li tonfoq l-UE. Biex ma ngħidux li fl-aħħar mill-aħħar, kważi l-baġit kollu Ewropew jintefaq lura fi proġetti fil-pajjiżi membri.

    Forsi kultant ma nirrealizzawx xi jfissru verament dawk il-biljuni, fejn imorru, u għala jintefqu.

    Martin Bugelli
    Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta