L-ispazji f’Bormla spiċċaw tal-Università Amerikana ta’ Malta (AUM)

    Intfajt bilqiegħda fuq bank tal-ġebel, fix-xatt ta’ Bormla, fid-dell tal-binja li hi l-maħżen tad-dgħajjes tar-regatta. Il-ġurnata hi fost l-ewwel jiem tar-Rebbiegħa.

    Ħafna huma n-nies li qed jippassiġġaw. Ix-xatt hu ħaj bin-nies mitlufa f’diskursati b’kull ilsien. Oħrajn, minn ħarsithom tinduna li huma mitlufa jitpaxxew bil-madwar. Kultant ikun hemm xi barrani li jieqaf jirrimarka dwar is-sbuħija u l-karatteristiċi tal-arkitettura tal-post. Meta jiġri hekk inħossni kburi ferm b’wirt missirijietna.

    Donnu li kulħadd ifittex il-ftuħ. Il-beraħ iserraħ il-ħsieb.

    Kultant, mal-ħin kienet qed tidħol id-dgħajsa tal-passiġġieri li tqarreb il-Belt Valletta mat-Tlett Ibliet. Minn hawn u ftit ġimgħat oħra d-dgħajjes lussużi u l-jottijiet tul ix-xatt jitilqu mill-irkejjen kennija tad-daħla tal-port u jsalpaw ’il barra. Faċċata, fuq in-naħa l-oħra, fejn hemm il-binja mitluqa li llum hi tal-Università Amerikana, hemm aktar dgħajjes, fosthom xi kajjikk, li tellgħuhom l-art biex iħarsuhom mill-maltemp. Fil-fatt, din ix-xaqliba tax-xatt hi dominata minn żewġ binijiet b’numru ta’ mħażen kbar, b’wesgħa bejniethom u oħra qrib il-Maċina.

    Kos, din id-daħla għandha ġrajja marittima rikka. Qabel, dawn l-imħażen li kienu nbnew fi żmien il-Kavallieri, kienu parti mit-tarzna, u fi żmienhom, il-Maċina kien il-post fejn jitneħħew l-arbli tal-qlugħ tax-xwieni. Wara, kienu jiddaħħlu aktar ’il ġewwa u fl-imħażen li jmiss, kien jiżżarma t-tagħmir tax-xwieni u jinħażen, biex fl-aħħar binja tal-imħażen, li llum hi l-parti tal-Università Amerikana ta’ Malta li tilqa’ lill-istudenti, il-qafas tax-xwieni  kienu jittellgħu l-art. Il-wesgħat ta’ bejn iż-żewġ binjiet tal-imħażen kien jintuża għall-irmiġġ u l-ankri.

    Dan kollu għadda minn quddiem għajnejja u kif le, jekk kont bilqiegħda faċċata ta’ nħawi marbuta mal-ġrajja ta’ pajjiżna. Din hi żona urbana fil-qalba tal-Kottonera. Il-wirt arkitettoniku tas-swar tal-Isla bil-gardjola u l-kampnar bl-arloġġ li nbena fi żmien l-Ingliżi donnhom imdendla għal fuq ix-xatt, joħolqu dehra ta’ pajsaġġ urban mill-isbaħ. Wara kollox, din hi żona konservata.

    Ftit tal-ġranet ilu, il-Partit Demokratiku kien għamel konferenza stampa biswit l-Università Amerikana ta’ Malta u lmenta li l-binja tal-imħażen tal-Ordni li għadha ma ġietx restawrata u mibdula għall-użu, għandha titħares sew waqt ir-restawr tagħha la se tinbidel fi skola. L-iżvilupp għandu jkun idonju meta paragunat mal-għoli tal-madwar u kull tibdil intern għandu jħares il-preġju li dawn kienu mħażen navali. Il-wesgħat komunitarji li diġà semmejt se jinbnew mill-Università Amerikana ta’ Malta. Jidher ukoll li se jinbena l-misraħ li bħalissa hu parkeġġ pubbliku u li jinsab fi triq li minn Bormla tagħti għat-telgħa tal-Isla.

    Dan il-bini ġdid f’dawn l-ispazji se jagħti aspettattiva differenti u se joħnoq il-ftuħ għad-detriment tar-residenti tal-madwar, tal-komunità Bormliża u tal-pubbliku. Jidher li ħadd ma oġġezzjona ħlief il-kunsill lokali u l-Flimkien għal Ambjent Aħjar. Nifhem li fil-passat is-Sopratendenza tal-Kultura kienet qajmet xi dubji u nispera li dan il-wirt ta’ ġensna jitħares b’mod rett.

    Ħalli niftiehem ċar. Jien mhux kontra l-ippjanar tal-iżvilupp meta dan isir bi ħsieb sostenibbli imma bini li jitlob konservazzjoni għandu jiġi protett. Lanqas ma jien kontra l-policy addottata biex f’Malta jkollna universitajiet internazzjonali li jkabbru l-isem akkademiku Malti. Wara kollox, jien kelli sehem dirett fl-inizjattiva biex titwaqqaf l-Iskola Medika ta’ Barts f’Għawdex.

    Nifhem ukoll li l-Gvern għadu ma ffirmax il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tal-Pajsaġġ sew jekk hux f’żona tal-iżvilupp u mhux. Ilha 18-il sena  fuq l-ixkaffa tiġbor it-trab u gvern wara gvern ma ħax ħsieb l-interess komuni ta’ pajjiżna.

    Nistgħu noqogħdu nlabalbu kemm irridu u ngħidu li din in-naħa tal-Kottonera għandha pajsaġġ ta’ valur għoli fir-regoli tal-ippjanar, għax xorta li jrid il-Gvern se jsir, għax wara kollox l-ebda id politika mhi marbuta bl-issiġillar tal-ftehim internazzjonali. Sadanittant, il-valur miżjud tal-Konvenzjoni mhux se jissarraf favur il-komunità.

    Il-Partit Demokratiku ma qgħadx idur mal-lewża u jara l-uċuħ, hu oġġezzjona mal-Awtorità tal-Ippjanar biex jissorvelja mill-qrib l-interess pubbliku, għax pajjiżna f’qalbna.