L-irwol tal-mara u l-ġdiem li jirrenja fil-politika

    Għadni niftakar qisu lbieraħ. Fi Frar tal-2017 f’aġġornament tal-Parlament, meta kont nokkupa l-kariga ta’ Whip tal-Gvern, kont tkellimt kontra miżuri li jiffavorixxu kwoti li jagħtu siġġijiet bi preferenza lil dawk il-kandidati nisa li ma jkunux ġew eletti b’mod demokratiku bħala deputati. Kont għadni kemm ġej minn workshop imtella’ mill-Commonwealth dwar is-suġġett u ħadt sehem f’ieħor tal-Organizzazzjoni tas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u għalhekk  wara t-tagħrif li ġbart minn dawn iż-żewġ seminars, qsamt il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kamra.

    Xi ġimgħat wara, il-Prim Ministru ħabbar fehmtu u stqarr li kien favur li jiddaħħlu kwoti fil-Parlament biex jiffavorixxi l-preżenza ta’ aktar deputati nisa. Niftakar sew li kont sorpriż li l-Prim Ministru kien ħareġ bil-proposta u hekk kif stqarr fehmtu, kont mort fuqu u stqarrejt li jien nifhimha mod ieħor.

    Minn dak iż-żmien ’l hawn, din il-fehma kien semmieha darbtejn oħra u ftit wara kienu tkellmu kontra wkoll il-Membri Parlamentari Ewropej Roberta Metsola u Marlene Mizzi u l-Onor. Marlene Farrugia.

    Il-miżura tniżżlet ukoll fil-manifest elettorali u llum għandha mandat.

    Il-ġimgħa l-oħra l-ħtieġa t’aktar rappreżentanza tan-nisa reġgħet kienet fl-aħbarijiet. Tkellem dwarha l-Prim Ministru. Inzerta wkoll li l-President tar-Repubblika flimkien mal-President tal-Alġerija tellgħu seminar bit-titlu Empowerment of Women u l-kwistjoni reġgħet issemmiet.

    Il-Partit Demokratiku kien minn dejjem fuq quddiem nett dwar l-irwol u t-tisħiħ tal-mara u tal-ġeneru fis-soċjetà u l-politika Maltija. Wara kollox, il-fundatriċi tiegħu hi mara. Anke r-rappreżentanza tagħna fil-Parlament hi ugwali fis-sess.

    Ninnota li għalkemm il-Green Paper dwar il-proposta tal-Gvern  għadha ma ġietx ippubblikata, qed jingħad li l-proċess ta’ għażla ħielsa fil-proċess elettorali mhux se jintmess. Jidher li l-Gvern bidel fehmtu u sab triq oħra kif iżid il-parteċipazzjoni tal-mara fl-ogħla istituzzjoni mingħajr ma jmiss l-għeruq tad-demokrazija rappreżentattiva. La titħabbar, aħna tal-Partit Demokratiku nixtarruha u noħorġu fehmitna. Li hu żgur hu li l-għażla ħielsa qatt ma għandha tintmess. Diġà hi mimsusa fil-liġi elettorali tagħna.

    Jidher żgur fiċ-ċar li l-Gvern qed juża din il-miżura biex jaljenana mill-verità. Kulħadd jaf li għandna sistema politika dgħajfa li qed tirrifletti ħażin fuq it-tħaddim tal-governanza u d-demokrazija. Il-preżenza tal-mara fil-Parlament hi tajba għax turi aktar parteċipazzjoni attiva, imma jien tal-fehma li mhux se ġġib fix-xejn l-isfreġju li jeżisti fl-Ordnijiet Permanenti għax huma one way traffic għall-Gvern, is-saltna tad-dritt li tiffavorixxi lill-partiti l-kbar fil-każ tal-Att dwar l-Elezzjoni Ġenerali jew l-Awtorità tax-Xandir, u l-incumbency ta’ waqt il-kampanja elettorali. Irid ikun hemm ir-rieda biex dawn jinbidlu.

    Dan hu l-ġdiem li qed tiffaċċja d-demokrazija Maltija

    Ara dawn il-punti, il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat ma jsemmi xejn dwarhom. Donnu ma għandux fehma dwar hekk, għax hekk jaqbel.

    Il-ġieħ li għandu jingħata lill-mara fis-soċjetà mhux se jinkiseb bil-kwoti u lanqas biċ-childcare fil-Parlament. Se jinkiseb meta jkollna Gvern li mhux bil-kliem izda bil-fatti jgib rispett lil nisa ta’ stoffa u jneħħi x-xkiel, jħalli level playing field biex min hu kapaċi jasal b’ħiltu  mhux jippromwovi l-pappagalli u jkisser lill-ħassieba għax jibża’ minnhom.

    Ngħid oħra. Kieku vera l-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista vera kellhom għal qalbhom l-irwol tal-mara, mela fir-rappreżentazzjoni politika tal-Kummissjoni Elettorali huma kienu tal-anqas jaħtru mara waħda. Possibbli li minn għaxar membri ma sabux waħda?

    Il-parteċipazzjoni tal-mara fis-soċjetà hi ħtieġa. Irridu nagħtu l-appoġġ. Il-Partit Demokratiku se jkompli jaħdem favur il-vera tisħiħ tal-mara Maltija u Għawdxija.

    Dr Godfrey Farrugia huwa l-Kap tal-Partit Demokratiku