L-irħula tagħna … siti ta’ kostruzzjoni!

    Kien madwar erba’ snin ilu meta fit-toroq tal-irħula tagħna dehret iddur karozza b’kamera fuqha, tieħu r-ritratti. Eventwalment saru parti mill-proġett kbir ta’ Google Maps, fejn għandek il-possibiltà li tagħraf id-destinazzjoni b’mod iktar viżiv billi tara fid-dettall l-ambjent ta’ madwarek. Iżda dak li kien jagħmel l-istreetscape tat-toroq tagħna erba’ snin ilu, inbidel drastikament. Jekk illum l-istess karozza terġa’ tgħaddi mill-istess toroq, se tieħu ritratti ta’ numru kbir ta’ appartamenti li ħadu post djar u ġonna. U jekk il-kamera tiffoka iktar, tilmaħ numru ta’ karti mwaħħla fuq id-djar li fuqhom tista’ taqra l-kundanna tagħhom.

    Il-kelma demolish tkun ħafna drabi fl-bidu tas-sentenza, segwita bil-kliem bħal, excavate, construction, garages, maisonette, apartments, penthouse/s, u pool.

    U fi ftit żmien titla’ binja ta’ madwar ħames sulari tistona mal-kumplament tal-bini f’nofs triq bi djar ta’ żewġ sulari. Dawn l-appartamenti jkomplu jiżdiedu mal-blokok kbar li qed jinbnew ġo u fil-pereferiji tal-irħula.

    Saret dehra komuni fl-irħula tagħna u sfortunatament, il-gżira Għawdxija qed tmissha wkoll l-istess xorti. Jekk il-bliet tagħna huma mdawrin bis-swar sbieħ u maestużi, l-irħula saru mdawrin b’appartamenti mostrużi, irreklamati bi breathtaking ODZ views, filwaqt li huma ħassru kull sens ta’ profili tal-istess irħula. Bini massiċċ qed jordom knejjes u bini folkloristiku li jagħtu karatteristiċi partikulari lill-irħula tagħna. L-iżvilupp urban qed jhedded il-wirt kulturali, arkeoloġiku, tradizzjonali permess ta’ bini b’disinji li ma jagħmlux sens u li ma jirrispettawx il-bini tal-madwar. Is-skiet u l-paċi li jirrenjaw fl-irħula, ’il bogħod minn attivitajiet kummerċjali, ġew maħnuqa bi storbju ta’ tħaffir, twaqqigħ u tqattigħ b’inġenji u makkinarju. Tower cranes mifruxa madwar il-pajjiż saru parti mill-pajsaġġ tagħna. Il-ġebla Maltija ħa postha l-konkrit u d-dar Maltija b’ġonna u bi btieħi sbieħ qed tgħib biex qed jitilgħu kaxxi fuq xulxin bl-inqas idea ta’ estetika u uniformità. Numru bla qies ta’ ġonna, plots, vilel, terraced houses, town houses u bini ieħor li jikkaratteristikaw l-irħula tagħna qed jispiċċaw biss tal-istampi. Qed jinbnew appartamenti li bil-prezz preżenti tas-suq tal-propjetà, qed ikunu l-uniċi għażla ta’ dawk li għandhom dħul medju.

    Pajjiżna qatt ma kien immexxi b’kuxjenza ambjentali għax minkejja l-kliem sabiħ u l-wegħdiet li jsiru qabel kull elezzjoni, kull amministrazzjoni tat daqqa mortali lill-ambjent.

    U dan li qed naraw iseħħ madwarna hu frott ta’ politika u policies li ċertament ma jġibux lill-ambjent bħala prijorità. Huma policies li jħallu ħafna flus fl-idejn, u ekonomija iktar b’saħħitha. Iżda din it-tip ta’ politika ma tħarisx fit-tul. Il-problema kbira ta’ parkeġġ; il-problema tal-iskart; iż-żieda qawwija ta’ traffiku, u n-nuqqas ta’ spazji sikuri tajbin għall-familji, tfal, u żgħażagħ huma ftit mir-riżultat li qed iħallu dawn id-deċiżjonijiet.

    L-ammissjoni li ċertu deċiżjonijiet setgħu ttieħdu b’iktar sensittività, hi insensittiva fiha nnifisha. L-argument li wieħed jilmenta sakemm hu wkoll jista’ jagħmel xi akkwist tirrifletti politika populista li tħares l-interess tal-individwu mingħajr ma tħares l-interess nazzjonali. Kulħadd għandu dritt għall-kwalità ta’ ħajja aħjar u ambjent mibni għandu impatt dirett fuq il-kwalità tal-ħajja.  Is-saħħa olistika tal-persuna, anke dik mentali, għandha tkun iċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni.

    L-Awtorità tal-Ippjanar trid teżerċita aktar minn qatt qabel l-awtorità tagħha biex verament ikollna ppjanar tajjeb u sostenibbli. Importanti li jsir l-iżvilupp infrastrutturali iżda dan jeħtieġ isir b’għaqal u bi pjan.

    Bil-mod il-mod qed nitilfu dak li jidentifikana.

    Mhux argument nostalġiku; li wieħed jibqa’ mwaħħal mal-passat; jew li hu kontra l-iżvilupp. Iżda meta neqirdu l-identità tagħna, inkunu qed neqirdu dak li jagħmilna; minn fejn ġejna.

    Il-bliet u l-irħula tagħna ġew mibnija bħala espressjoni spiritwali, kulturali, soċjali u politika. Dawn jinbidlu minn belt u raħal għall-ieħor għax kull belt u raħal għandu l-identità partikulari tiegħu. Madanakollu l-ibliet u l-irħula jaqdu l-bżonnijiet umanitarji ta’ min joqgħod fihom u dawn jinbidlu matul iż-żminijiet. Għaldaqstant żvilupp bi pjan ma jeqridx l-identità partikulari ta’ dak il-belt jew ir-raħal, anzi jagħmlu iktar sinjur f’kull qasam. Intqal li “l-ibliet u l-irħula jiriflettu u jagħġnu l-valuri u l-prospetti f’ħafna modi“. Allura wieħed jistaqsi, x’qed jirrifletti fina jekk qed neqirdu dak li jagħġinna?

    L-identità kulturali u soċjali fl-urban tieħu s-snin biex tkun żvilupata iżda b’daqqa ta’ pinna qed nitilfu dak kollu li bnew u żviluppaw ta’ qabilna.

    Minkejja li wieħed għandu d-dritt li jagħmel użu mill-propjetà privata kif jixtieq hu, hu fl-irwol u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet li permess ta’ policies u liġijiet, tingħata direzzjoni ċara ta’ kif wieħed jista’ jiżviluppa l-propjetà li għandu, filwaqt li l-ġid komunitarju jibqa’ jiġi rrispettat. L-ambjent, l-estetika, l-identità arkitettonika, u l-wirt kulturali jagħmlu parti minn dan il-ġid li hu tagħna lkoll u kull min jiggverna hu fid-dmir li dan jitħares u jitgawda minn kulħadd.

    Hi realtà li ħadd ma jista’ jiċħad. Il-bini li qed jitla’ mingħajr ebda pjan u viżjoni f’kull rokna qed jifga l-ambjent u l-pajsaġġ Malti u l-ħsara hi irriparabbli. Wieħed jista’ jagħmel gwadann kbir f’ħajtu iżda għad tiġi ġurnata fejn irid u ma jridx, se jħalli kollox warajh.

    U se jħalli warajh ukoll straġi ambjentali li se jitqannew biha wliedna u wlied uliedna.

    Qatt mhu tard wisq. Irid ikun hemm biss ir-rieda ta’ kulħadd biex Malta tkompli verament jistħoqqilha nsellmulha bħala “din l-art ħelwa”.